Mur fil-kontenut

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

“Kienet taqbiżli bl-ikrah”

“Kienet taqbiżli bl-ikrah”
  • Post tat-twelid: Il-Messiku

  • Country of Origin: Mexico

  • Passat: Vjolenti; kriminal

IL-PASSAT TIEGĦI

 Twelidt f’San Juan Chancalaito, belt żgħira fl-istat taʼ Chiapas, il-Messiku. Il-familja tiegħi tiġi min-nies Chol, grupp etniku mir-razza Maya. Il-ġenituri tiegħi kellhom tmien subien u erbat ibniet. Jien kont il-ħames wieħed. Meta kont għadni żgħir, jien u ħuti konna nistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. B’dispjaċir, jien m’applikajtx il-pariri tal-Bibbja f’żgħożiti.

 Taʼ 13-il sena kont diġà nieħu d-droga u nisraq. Taʼ dik l-età tlaqt mid-dar u bdejt niġġerra minn post għal ieħor. Meta kelli 16-il sena, bdejt naħdem fejn kienet titkabbar il-marijuana. Lejla minnhom, wara li kont ilni naħdem xi sena, konna qed nittrasportaw tagħbija kbira taʼ marijuana b’dgħajsa u ġejna attakkati minn grupp taʼ rġiel armati sa snienhom li wkoll kienu jittraffikaw id-droga. Jien ħrabt mill-isparar tagħhom billi qbiżt fix-xmara u tlajt minn post iktar ’l isfel. Imbagħad, ħrabt lejn l-Istati Uniti.

 Fl-Istati Uniti, komplejt nittraffika d-droga u spiċċajt f’iktar problemi. Taʼ 19-il sena, ġejt arrestat u ssentenzjat għall-ħabs fuq serq u attentat taʼ qtil. Fil-ħabs, ingħaqadt maʼ gang u komplejt naġixxi b’mod vjolenti. B’hekk, l-awtoritajiet ħaduni f’ħabs b’sigurtà għolja f’Lewisburg, Pennsylvania.

 Fil-ħabs taʼ Lewisburg, l-imġiba tiegħi marret mill-ħażin għall-agħar. Ladarba diġà kelli tattoos bil-marka tal-gang li kont magħha, ma domtx ma ngħaqadt mal-istess gang f’dan il-ħabs. Sirt saħansitra iktar vjolenti. Fil-fatt, kont il-ħin kollu nidħol fi ġlied kbir. Darba minnhom konna ġġilidna fil-bitħa tal-ħabs kontra gang oħra. Konna qed niġġieldu bl-ikrah billi użajna lasti tal-baseball u weights. Biex iwaqqfuna milli niġġieldu, il-gwardjani tal-ħabs użaw il-gass tad-dmugħ. Wara dan, l-awtoritajiet tal-ħabs tefgħuni f’taqsima b’iktar restrizzjonijiet għal priġunieri perikolużi. Kienet taqbiżli bl-ikrah u nitkellem ħażin. Ma kontx irrid wisq biex naqbad u nagħti xebgħa lil xi ħadd. Fil-fatt, kienet tinżilli għasel xi ħaġa hekk. Xejn ma kien jiddispjaċini għall-imġiba li kelli.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

 F’din it-taqsima b’iktar restrizzjonijiet, kelli nqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħi fiċ-ċella. Allura bdejt naqra l-Bibbja biex ngħaddi l-ħin. Imbagħad, gwardjana tatni ktieb bl-isem Int Tista’ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art. a Hekk kif qrajt dan il-ktieb li jgħinek tistudja l-Bibbja, ftakart fil-ħafna affarijiet li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu għallmuni meta kont tifel waqt l-istudju tal-Bibbja. Imbagħad, irriflettejt fuq kemm għamilt affarijiet gravi minħabba l-personalità vjolenti tiegħi. Apparti minn hekk, bdejt niftakar fil-familja tiegħi. Ladarba tnejn minn ħuti kienu saru Xhieda taʼ Ġeħova, irraġunajt, ‘Huma se jgħixu għal dejjem.’ Imbagħad għedt, ‘Mela anki jien nistaʼ!’ Kien dak il-mument li ddeċidejt serjament li ninbidel.

 Però, kont naf li kelli bżonn l-għajnuna biex ninbidel. Allura, għall-ewwel, tlabt b’ħeġġa lil Alla Ġeħova biex jgħinni. Imbagħad, ktibt lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Istati Uniti biex nibda nistudja l-Bibbja magħhom. L-uffiċċju tal-fergħa rranġa biex tikkuntattjani kongregazzjoni fil-viċin. Dak iż-żmien, tal-familja biss setgħu jżuruni. Allura Xhud mill-kongregazzjoni beda jibgħatli ittri t’inkuraġġiment u letteratura Biblika, li kabbruli x-xewqa biex ninbidel.

 Għamilt avvanz kbir meta ddeċidejt li nitlaq il-gang li kont fiha għal ħafna snin. Il-kbir tal-gang ukoll kien f’din it-taqsima b’iktar restrizzjonijiet. Allura avviċinajtu u għedtlu li ridt insir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ir-risposta tiegħu kienet taʼ sorpriża għalija. Fil-fatt qalli: “Jekk qed teħodha bis-serjetà, idħol għaliha. Ma nistax nindaħal bejnek u bejn Alla. Imma jekk kulma trid hu li titlaq mill-gang, taf x’inhuma l-konsegwenzi.”

 Matul is-sentejn taʼ wara, l-istaff tal-ħabs innota l-bidliet fil-personalità tiegħi. B’hekk, bdew jittrattawni aħjar. Pereżempju, il-gwardjani waqfu jlibbsuni l-manetti biex joħorġuni ’l barra miċ-ċella ħalli ninħasel. Wieħed mill-gwardjani saħansitra avviċinani u inkuraġġieni biex nibqaʼ sejjer hekk. Fil-fatt, l-awtoritajiet tal-ħabs ħaduni f’ħabs bi ftit sigurtà biex nagħmel l-aħħar sena tiegħi hemmhekk. Dan il-ħabs kien jinsab viċin il-ħabs prinċipali. Fl-2004, wara li kont ilni għaxar snin il-ħabs, ġejt meħlus u ħaduni l-Messiku b’karozza tal-linja għall-priġunieri.

 Kif wasalt il-Messiku, sibt Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Mort għall-ewwel laqgħa bl-uniformi tal-ħabs—l-unika ħwejjeġ sura li kelli. Ix-Xhieda laqgħuni minn qalbhom minkejja l-mod kif kont nidher. Meta rajt il-qalb tajba tagħhom, ħassejt li qiegħed fost il-Kristjani veri. (Ġwanni 13:35) Waqt dik il-laqgħa, l-anzjani tal-kongregazzjoni rranġawli biex ikolli studju tal-Bibbja kif suppost. Sena wara, fit-3 taʼ Settembru 2005, tgħammidt bħala Xhud taʼ Ġeħova.

 F’Jannar 2007, bdejt naqdi fis-servizz full-time billi nqattaʼ 70 siegħa kull xahar ngħallem il-Bibbja lil oħrajn. Fl-2011, iggradwajt mill-Iskola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin (issa tissejjaħ l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna). Din l-iskola kienet t’għajnuna kbira għalija biex inwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħi fil-kongregazzjoni.

Issa qed nieħu pjaċir ngħallem lil oħrajn ikunu fil-paċi m’oħrajn

 Fl-2013, iżżewwiġt lill-għażiża marti, Pilar. Bi ftit umoriżmu hi tgħid li ssibha diffiċli biex temmen l-affarijiet li ngħidilha dwar il-passat tiegħi. Qatt ma rġajt dort għat-tip taʼ ħajja li kelli qabel. Jien u marti nemmnu li l-persuna li jien illum tagħti prova li l-Bibbja għandha l-qawwa biex tbiddel lil dak li jkun.—Rumani 12:2.

KIF IBBENEFIKAJT

 Inħoss li kliem Ġesù f’​Luqa 19:10 japplika għalija. Hemmhekk hu qal li “ġie jfittex u jsalva dak li kien mitluf.” M’għadnix inħossni bla skop f’ħajti. Lanqas m’għadni nfittex lil min se nweġġaʼ. Grazzi għall-Bibbja, b’ferħ għandi l-aqwa skop fil-ħajja, paċi m’oħrajn u, l-iktar ħaġa importanti, relazzjoni tajba mal-Ħallieq, Ġeħova.

[NOTA TA’ TAĦT]

a Dan il-ktieb kien ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat. Il-ktieb prinċipali li qed jintuża issa biex jgħin lil dak li jkun jistudja l-Bibbja jismu Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!