Mur fil-kontenut

ĠIE DISINJAT?

Il-ġilda li tnaddaf lilha nfisha tal-balena s-sewda

Il-ġilda li tnaddaf lilha nfisha tal-balena s-sewda

 Il-koċċli u organiżmi oħra tal-baħar li jitrabbew maʼ qiegħ il-vapuri qed joħolqu problema kbira għall-kumpaniji li jużaw il-vapuri. Din il-problema, li bl-Ingliż jgħidulha biofouling, qed tnaqqas il-veloċità tal-vapuri u ġġiegħel il-vapuri jaħlu iktar fjuwil. Allura, kull sentejn ikollhom jittieħdu biex jitnaddfu. Dan ifisser li matul dan il-ħin ma jkunux jistgħu jintużaw. Ix-xjentisti qed ifittxu s-soluzzjoni min-natura.

 Ikkunsidra: L-istudji li saru juru li l-ġilda tal-balena s-sewda (Globicephala melas) għandha l-abbiltà li tnaddaf lilha nfisha. Din għandha ħafna linji rqaq imqabbżin, li huma żgħar wisq biex il-koċċli jaqbdu qabda sew mal-ġilda tal-balena. L-ispazju taʼ bejn dawn il-linji hu mimli b’ġel li ma jħallix l-alka u l-batterji jeħlu mal-balena. Din tagħmel iżjed ġel hekk kif tbiddel il-ġilda.

 Ix-xjentisti qed jippjanaw li maʼ qiegħ il-vapuri jaddattaw il-metodu li l-balena tuża biex tnaddaf lilha nfisha. Fil-passat, kienet tintuża żebgħa apposta biex qiegħ il-vapur jibqaʼ nadif. Però, dan l-aħħar, ċerta żebgħa, li kienet tintuża ħafna, ma tistax tibqaʼ tiġi użata minħabba li qed tniġġes il-baħar. Is-soluzzjoni tar-riċerkaturi hi li jiksu qiegħ il-vapuri b’xibka tal-metall fuq sett taʼ toqob li minnhom toħroġ kimika li ma tniġġisx il-baħar. Meta l-kimika tiġi f’kuntatt mal-baħar, din tibda teħxien u ssir ġel. B’hekk, jiġi ffurmat saff li jiksi l-qiegħ kollu tal-vapur. Maż-żmien, dan is-saff, li ma jkunx eħxen minn millimetru, jispiċċa fix-xejn, u miegħu jitlaq ukoll kull organiżmu li forsi jkun weħel mal-vapur. Imbagħad joħroġ iktar ġel biex jerġaʼ jiksi l-qiegħ tal-vapur.

Il-koċċli jġiegħlu lil vapuri jimxu bil-mod u huma diffiċli biex jitneħħew

 Testijiet li saru mir-riċerkaturi juru li dan il-metodu jistaʼ jnaqqas b’100 darba l-problema taʼ li l-organiżmi jeħlu mal-vapuri. U dan kieku jkun taʼ vantaġġ kbir għall-kumpaniji li jużaw il-vapuri, għax iqum ħafna flus biex iddaħħal vapur f’dockyard biex jitnaddaf.

 Int x’taħseb? Il-ġilda li tnaddaf lilha nfisha tal-balena s-sewda evolviet? Jew ġiet disinjata?