Mur fil-kontenut

Uża Alla l-​Evoluzzjoni Biex Joħloq Kollox?

Uża Alla l-​Evoluzzjoni Biex Joħloq Kollox?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Le. Il-​Bibbja tgħid b’mod ċar li Alla ħalaq lin-​nies u anke lil tipi differenti t’annimali u pjanti. a (Ġenesi 1:12, 21, 25, 27; Rivelazzjoni 4:11) Tgħid ukoll li n-​nies kollha ġew mill-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva. (Ġenesi 3:20; 4:1) Ir-​rakkont tal-​Bibbja ma jaqbilx mat-​teorija li Alla uża l-​evoluzzjoni biex joħloq it-​tipi differenti t’annimali u pjanti. Imma l-​Bibbja ma tgħid xejn dwar dak li jgħidu xi xjentisti li tipi t’annimali u pjanti jistgħu jaddattaw u jvarjaw.

 Uża Alla l-​evoluzzjoni?

 Nies li jemmnu li Alla uża l-​evoluzzjoni biex joħloq kollox għandhom ħafna ideat fuq kif għamel dan. L-​Encyclopædia Britannica tgħid li xi nies jemmnu li Alla juża n-​natural selection biex jidderieġi n-​natura. b

 Nies li jemmnu li Alla ħalaq kollox bl-​evoluzzjoni għandhom ideat bħal:

  •   Kull ħaġa ħajja li teżisti llum ġiet minn ħaġa ħajja waħda ħafna snin ilu.

  •   Tip taʼ ħajja tistaʼ tevolvi f’ħajja oħra kompletament differenti. Pereżempju, ħafna jemmnu li x-​xadini jistgħu jevolvu f’nies.

  •   Alla huwa responsabbli għal dawn it-​tipi t’evoluzzjoni.

 L-​evoluzzjoni taqbel mal-​Bibbja?

 Li Alla uża l-​evoluzzjoni biex joħloq kollox ma jaqbilx mar-​rakkont tal-​ħolqien li hemm fil-​ktieb taʼ Ġenesi fil-​Bibbja. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera li r-​rakkont taʼ Ġenesi hu veru. (Ġenesi 1:26, 27; 2:18-​24; Mattew 19:4-​6) Il-​Bibbja tgħid li qabel Ġesù ġie fuq l-​art, hu kien jgħix fis-​sema m’Alla. Hu għen lil Alla biex joħloq kollox. (Ġwanni 1:3) Allura, l-​idea li Alla uża l-​evoluzzjoni biex joħloq kollox ma taqbilx maʼ dak li tgħallem il-​Bibbja.

 Hija parti mill-​evoluzzjoni meta l-​pjanti u l-​annimali jinbidlu biex jibqgħu ħajjin?

 Il-​Bibbja ma tispjegax kemm tip t’annimal jew pjanta jistaʼ jinbidel. Ukoll, ma tgħidx li t-​tipi t’annimali u pjanti li ħalaq Alla ma jistgħux jinbidlu hekk kif jiżdiedu jew jaddattaw għal ambjenti differenti. Għalkemm xi nies jaraw dan it-​tibdil bħala evoluzzjoni, fir-​realtà mhux qed tinħoloq xi ħajja ġdida.

a Ħafna drabi, meta x-​xjentisti jgħidu li evolva tip t’annimal jew pjanta ġdida, fil-​verità din tkun varjat mill-​istess tip.

b Natural selection hi l-​idea li l-​iżjed tip t’annimal jew pjanta b’saħħitha tibqaʼ tgħix.