Mur fil-kontenut

X’inhi l-bhima salvaġġa b’sebat irjus li tissemma’ f’Rivelazzjoni kapitlu 13?

X’inhi l-bhima salvaġġa b’sebat irjus li tissemma’ f’Rivelazzjoni kapitlu 13?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​bhima salvaġġa b’sebat irjus li tissemma l-​ewwel darba f’​Rivelazzjoni 13:1 tirrappreżenta sistema politika dinjija.

  •   Għandha awtorità, qawwa, u tron, u dan juri li hi organizzazzjoni politika.​—Rivelazzjoni 13:2.

  •   Taħkem fuq “kull tribù u poplu u lsien u ġens,” u għalhekk hi iktar minn gvern nazzjonali wieħed.​—Rivelazzjoni 13:7.

  •   Fiha taħlita tal-​erbaʼ bhejjem deskritti fil-​profezija f’​Danjel 7:​2-​8, inkluż id-​dehra taʼ leopard, saqajn t’ors, ħalq taʼ ljun, u għaxart iqrun. Il-​bhejjem fil-​profezija taʼ Danjel jiġu identifikati bħala slaten speċifiċi, jew saltniet politiċi, li jaħkmu wieħed wara l-​ieħor fuq imperi. (Danjel 7:​17, 23) B’hekk, il-​bhima salvaġġa f’​Rivelazzjoni kapitlu 13 tirrappreżenta organizzazzjoni magħmula minn ħafna qawwiet politiċi.

  •   Il-​bhima salvaġġa ‘titlaʼ mill-​baħar.’ Dan ifisser li l-​gvernijiet umani jiġu mill-​bnedmin li ċaħdu lil Alla u li huma aggressivi.​—Rivelazzjoni 13:1; Isaija 17:12, 13.

  •   Il-​Bibbja tgħid li n-​numru, jew l-​isem, tal-​bhima​—666​—hu “numru taʼ bniedem.” (Rivelazzjoni 13:17, 18) Dan jagħtina x’nifhmu li l-​bhima f’​Rivelazzjoni kapitlu 13 hi umana u mhux xi spirtu jew demonju.

 Għalkemm ftit huma l-​affarijiet li jaqblu fuqhom il-​ġnus, dawn huma magħqudin fid-​determinazzjoni tagħhom li jżommu l-​awtorità li għandhom minflok ma jissottomettu ruħhom għall-​ħakma tas-​Saltna t’Alla. (Salm 2:2) Ukoll, se jingħaqdu flimkien biex jiggwerraw kontra l-​armati t’Alla, immexxijin minn Ġesù Kristu, f’Armageddon, imma din il-​gwerra se twassal biex il-​ġnus jinqerdu.​—Rivelazzjoni 16:14, 16; 19:19, 20.

‘Għaxart iqrun u sebat irjus’

 Ċerti numri jintużaw b’mod simboliku fil-​Bibbja. Pereżempju, in-​numri għaxra u sebgħa jirrappreżentaw xi ħaġa kompluta. “Xbieha tal-​bhima salvaġġa” li tissemma iktar tard f’​Rivelazzjoni—bhima lewn l-​iskarlat li għandha sebat irjus u għaxart iqrun”—tgħinna biex nifhmu t-​tifsira eżatta tal-​‘għaxart iqrun u sebat irjus’ tal-​bhima msemmija f’​Rivelazzjoni kapitlu 13. (Rivelazzjoni 13:1, 14, 15; 17:3) Il-​Bibbja tgħid li s-​sebat irjus taʼ din il-​bhima lewn l-​iskarlat ifissru “sebaʼ slaten,” jew gvernijiet.—Rivelazzjoni 17:9, 10.

 Bl-​istess mod, is-​sebat irjus tal-​bhima f’​Rivelazzjoni 13:1 jirrappreżentaw sebaʼ gvernijiet: il-​qawwiet politiċi prinċipali li ddominaw tul l-​istorja u li kienu minn taʼ quddiem f’li jopponu lin-​nies t’Alla—l-​Eġittu, l-​Assirja, Babilonja, il-​Medo-​Persja, il-​Greċja, Ruma, u l-​Anglo-​Amerika (jiġifieri, il-​Britannja u l-​Amerika flimkien). Jekk nikkonkludu li l-​għaxart iqrun (li spiss jirrappreżentaw gvernijiet), jirrappreżentaw kull stat sovran, mill-​kbir saż-​żgħir, mela id-​dijadema, jew kuruna (li tirrappreżenta l-​awtorità u l-​poter), fuq kull qarn turi li kull ġens jaħkem fl-​istess żmien mal-​qawwa politika prinċipali taʼ dak iż-​żmien.