Mur fil-kontenut

Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?

Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Il-Bibbja twiegħed: “Min jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17; Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Alla xi jridek tagħmel?

  •   Sir af dwar Alla u Ibnu, Ġesù. F’talba tiegħu lil Alla, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Xi rridu nagħmlu biex ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla u Ġesù? Aħna nistgħu nsiru nafuhom billi nistudjaw il-Bibbja u ngħixu fi qbil maʼ dak li tgħid. a Il-Bibbja turi kif jaħseb il-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, li hu Dak li jagħti l-ħajja. (Atti 17:24, 25) Il-Bibbja titkellem ukoll dwar Ibnu, Ġesù, li għallem “il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 6:67-69.

  •   Uri fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Ġesù ġie fuq l-art “biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa għamilha possibbli għan-nies biex jgħixu għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art. b (Salm 37:29) Ġesù qal: “Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Innota li ma rridux biss nemmnu f’Ġesù, imma rridu wkoll ‘neżerċitaw il-fidi fih,’ jiġifieri nuru l-fidi bl-azzjonijiet. Dan nagħmluh billi nagħżlu li ngħixu skont kif għallimna hu u kif iridna Missieru, Ġeħova.—Mattew 7:21; Ġakbu 2:17.

  •   Sir ħabib sew t’Alla. Alla jridna nsiru nafuh sew u nsiru ħbieb tiegħu. (Ġakbu 2:23; 4:8) Alla hu għal dejjem. Hu qatt mhu se jmut, u jixtieq li l-ħbieb tiegħu jgħixu għal dejjem ukoll. Permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, Alla jurina x’jixtieq għal dawk li jfittxuh: “Min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:17.

Ideat żbaljati dwar li ngħixu għal dejjem

 Idea żbaljata: L-isforzi tan-nies se jwasslu għall-ħajja taʼ dejjem.

 Fatt: Għalkemm ċertu avvanzi mediċi jwiegħdu li se jtawlu l-ħajja tan-nies, dawn l-isforzi mhux se jwasslu biex in-nies jgħixu għal dejjem. Alla biss jistaʼ jtina l-ħajja taʼ dejjem, għax hu l-uniku “sors tal-ħajja.” (Salm 36:9) Hu jwiegħed li se “jiblaʼ l-mewt għal dejjem” u jagħti ħajja taʼ dejjem lill-bnedmin leali kollha.—Isaija 25:8; 1 Ġwanni 2:25.

 Idea żbaljata: Nies minn ċertu razez biss se jgħixu għal dejjem.

 Fatt: Alla ma jurix preferenzi. Anzi, hu “jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35; GħBM) Nies minn kull razza u kultura li jobdu lil Alla jistgħu jgħixu għal dejjem.

 Idea żbaljata: Ikun monotonu li ngħixu għal dejjem.

 Fatt: Il-ħajja taʼ dejjem joffrihielna Alla, li jħobbna u jixtieqna nkunu ferħanin. (Ġakbu 1:17; 1 Ġwanni 4:8) Hu jaf li sabiex inkunu kuntenti, irid ikollna xogħol li jtina skop. (Ekkleżjasti 3:12) Alla jwiegħed li dawk li jgħixu għal dejjem fuq l-art se jkollhom xogħol sodisfaċenti li se jgawdu minnu huma u anki l-maħbubin tagħhom.—Isaija 65:22, 23.

 Apparti minn hekk, dawk li jgħixu għal dejjem se jitgħallmu affarijiet ġodda dwar il-Ħallieq tagħhom u dwar dak kollu li ħalaq. Hu ħalaq lin-nies bix-xewqa li jgħixu għal dejjem u jitgħallmu dwaru. Però huma ‘qatt ma se jsiru jafu mill-bidu sat-tmiem l-għemil li għamel l-Alla l-veru.’ (Ekkleżjasti 3:10, 11) Allura, huma dejjem se jkollhom affarijiet interessanti x’jitgħallmu u jagħmlu.

a Ix-Xhieda taʼ Ġeħova joffru li jistudjaw il-Bibbja miegħek b’xejn. Għal iktar informazzjoni, ara l-vidjow X’jiġri matul studju tal-Bibbja?