Mur fil-kontenut

Huwa dnub li tpejjep?

Huwa dnub li tpejjep?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Il-Bibbja ma ssemmix it-tipjip a jew xi użu ieħor tat-tabakk. Però, fiha prinċipji li juru li Alla ma jiħux pjaċir b’vizzji ħżiena li jagħmlu ħsara l-ġisem. Allura hu jqis it-tipjip bħala dnub.

  •   Rispett lejn il-ħajja. “Alla . . . jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs.” (Atti 17:24, 25) Ladarba l-ħajja hi rigal mingħand Alla, m’għandna nagħmlu xejn li jqassrilna ħajjitna, inkluż li npejpu. Madwar id-dinja, it-tipjip hu wieħed mill-akbar kaġuni taʼ mewt li tistaʼ tiġi evitata.

  •   Imħabba lejn ħaddieħor. “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Mhuwiex att taʼ mħabba li tpejjep maġenb nies oħra. Dawk li b’mod regolari jibilgħu d-duħħan mis-sigaretti taʼ ħaddieħor għandhom iktar ċans li jaqbadhom ċertu mard li ġeneralment ikollu min ipejjep.

  •   Il-bżonn li tkun qaddis. ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, u aċċettabbli għal Alla.’ (Rumani 12:1) “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu, u nipperfezzjonaw il-qdusija fil-biżaʼ t’Alla.” (2 Korintin 7:1) It-tipjip huwa kontra n-natura tal-ġisem u m’għandu xejn x’jaqsam maʼ li tkun qaddis—jiġifieri, nadif u pur—għax min juża t-tabakk, minn jeddu jagħżel li jiblaʼ tossiċi li jistgħu jkunu taʼ ħsara kbira għal saħħtu.

L-użu tal-marijuana u drogi oħra għall-gost—Il-Bibbja titkellem dwarhom?

 Il-Bibbja ma ssemmix il-marijuana (li tissejjaħ ukoll ħaxixa u kannabis) jew drogi simili oħra b’isimhom. Imma l-Bibbja fiha prinċipji li juru li hu ħażin li wieħed juża għall-gost sustanzi bħal dawn, li jġibuk tiddependi minnhom. Apparti l-prinċipji li diġà semmejna, hemm iktar prinċipji li japplikaw, bħal:

  •   Il-bżonn li jkollok kontroll fuq moħħok. “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek . . . b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37, 38) “Ibqgħu f’sensikom għalkollox.” (1 Pietru 1:13) Persuna li tieħu d-droga ma tkunx tistaʼ tikkontrolla moħħha għalkollox, u ħafna nies saħansitra jsiru jiddependu minnha. Minflok ma jiffokaw fuq ħsibijiet pożittivi, huma jkunu moħħhom fuq min fejn se jġibu d-droga biex jiħduha.—Filippin 4:8.

  •   Ubbidjenza lejn il-liġi tal-gvern. ‘Kunu ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet.’ (Titu 3:1) F’ħafna pajjiżi, hemm liġijiet stretti li jikkontrollaw l-użu taʼ ċerti drogi. Jekk irridu nogħġbu lil Alla, għandna nobdu l-awtoritajiet tal-gvern.—Rumani 13:1.

a Hawnhekk, il-kelma “tipjip” tirreferi għal li wieħed ipejjep it-tabakk permezz taʼ sigarett, sigarru, pipa, jew xixa (water pipes). Minkejja dan, il-prinċipji li se niddiskutu japplikaw ukoll għal li wieħed jomgħod it-tabakk, jisniffjah, juża sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina, u prodotti simili.