Mur fil-kontenut

X’inhu d-dnub li ma jinħafirx?

X’inhu d-dnub li ma jinħafirx?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Id-dnub li ma jinħafirx jirreferi għal azzjonijiet u attitudni li jżommu lil midneb milli jkun jistaʼ jirċievi l-maħfra t’Alla. Kif tistaʼ tiżviluppa attitudni bħal din?

 Alla jaħfer lil dawk li jindmu mid-dnubiet tagħhom, li jgħixu fi qbil mal-livelli tiegħu, u li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu. (Atti 3:19, 20) Madankollu, persuna tistaʼ tant issir determinata li tgħix ħajja midinba li qatt ma tbiddel l-attitudni jew l-imġiba tagħha. Il-Bibbja tiddeskrivi persuna bħal din bħala li għandha “qalb mill-agħar” u li ‘twebbset bil-qawwa qarrieqa tad-dnub.’ (Ebrej 3:12, 13) Bħal tafal li nħema fin-nar u qatt ma jistaʼ jissawwar mill-ġdid, il-qalb tal-persuna topponi lil Alla b’mod permanenti. (Isaija 45:9) Qatt ma jistaʼ jkun hemm bażi biex persuna bħal din tiġi maħfura, u b’hekk tkun ħatja tad-dnub li ma jinħafirx.—Ebrej 10:26, 27.

 Xi mexxejja reliġjużi Lhud fi żmien Ġesù għamlu d-dnub li ma jinħafirx. Huma kienu jafu li Ġesù kien qed iwettaq il-mirakli permezz tal-ispirtu t’Alla, imma b’mod malizzjuż qalu li l-qawwa tiegħu kienet ġejja minn Satana x-Xitan.—Marku 3:22, 28-30.

Eżempji taʼ dnubiet li jistgħu jinħafru

  •  Dagħa minħabba l-injoranza. L-appostlu Pawlu xi darba kien midgħi, imma iktar tard hu qal: “Intwerejt ħniena, għax kont fl-injoranza u aġixxejt b’nuqqas taʼ fidi.”—1 Timotju 1:13.

  •  Adulterju. Il-Bibbja ssemmi xi wħud li kienu għamlu adulterju imma biddlu l-imġiba tagħhom u Alla ħafrilhom.—1 Korintin 6:9-11.

“Għamilt jien id-dnub li ma jinħafirx?”

 Jekk int tassew tobgħod il-ħajja midinba li kellek qabel u verament tixtieq tinbidel, allura int m’għamiltx id-dnub li ma jinħafirx. Alla jistaʼ jaħfer anki l-istess dnub li jsir diversi drabi dment li ma twebbisx qalbek b’mod permanenti kontra Alla.—Proverbji 24:16.

 Xi nies iħossu li huma għamlu dnub li ma jinħafirx minħabba li tibqaʼ tniggiżhom il-kuxjenza. Però, il-Bibbja tgħallem li mhux dejjem nistgħu nistrieħu fuq dak li nħossu. (Ġeremija 17:9) Alla ma taniex l-awtorità biex niġġudikaw lil xi ħadd—lanqas lilna nfusna. (Rumani 14:4, 12) Hu jistaʼ jaħfrilna anki meta qalbna stess tibqaʼ tikkundannana.—1 Ġwanni 3:19, 20.

Ġuda l-Iskarjota għamel dnub li ma jinħafirx?

 Iva. Ir-regħba tiegħu qanqlitu jisraq mill-flus li kienu ngħataw għal użu sagru. Hu saħansitra għamel tabirruħu li kien jimpurtah mill-foqra meta l-ħsieb veru tiegħu kien biex ikollu iktar flus x’jisraq. (Ġwanni 12:4-8) Ladarba qalb Ġuda kienet determinata li tagħmel il-ħażin, hu ttradixxa lil Ġesù għal 30 biċċa tal-fidda. Ġesù kien jaf li Ġuda qatt ma kien se jiddispjaċih verament għal dak li għamel, u hu sejjaħlu “bin il-qerda.” (Ġwanni 17:12) Dan kien ifisser li meta Ġuda miet, hu kien se jinqered għal dejjem mingħajr tama taʼ rxoxt.—Marku 14:21.

 Ġuda ma weriex indiema sinċiera għad-dnub tiegħu. Id-dnub tiegħu minflok ma stqarru lil Alla stqarru mal-mexxejja reliġjużi li kkonfoffaw miegħu.—Mattew 27:3-5; 2 Korintin 7:10.