Mur fil-kontenut

Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar li Tagħti Għaxra fil-​Mija?

Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar li Tagħti Għaxra fil-​Mija?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 L-​Iżraelin kienu kmandati biex jagħtu l-​għexur, a jew l-​għaxra fil-​mija, minn dak li kienu jaqilgħu kull sena għall-​qima taʼ Ġeħova. Alla qalilhom: “Qis li tagħti wieħed minn kull għaxra milli tipproduċi ż-​żerriegħa tiegħek, dak li jrodd ir-​rabaʼ minn sena għal sena.”—Dewteronomju 14:22.

 Il-​liġi tal-​għaxra fil-​mija kienet waħda mil-​liġijiet li Alla ta lill-​Iżraelin. Il-​Kristjani m’għadhomx taħt din il-​liġi, allura m’għadhomx obbligati li jagħtu l-​għaxra fil-​mija. (Kolossin 2:13, 14) Minflok, kull Kristjan jistaʼ jagħti xi ħaġa tal-​flus “bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.”—2 Korintin 9:7.

 X’Tgħid il-​Bibbja Dwar l-​Għaxra fil-​Mija fit-​“Testment il-​Qadim”?

 L-​għaxra fil-​mija hija msemmija ħafna drabi fil-​parti tal-​Bibbja li hija magħrufa bħala t-​Testment il-​Qadim. Ħafna minn dawn il-​versi jirreferu għal meta l-​Iżraelin kienu taħt il-​Liġi li Alla ta lil Mosè. Imma hemm xi versi li jsemmu l-​għaxra fil-​mija qabel ma bdiet din il-​liġi.

Qabel il-​Liġi li Alla Ta lil Mosè

 L-​ewwel persuna fil-​Bibbja li tat l-​għaxra fil-​mija kien Abram (Abraham). (Ġenesi 14:18-​20; Ebrej 7:4) Jidher li Abram għamel hekk meta ta rigal lir-​re ta’ Salem, li kien ukoll qassis. Il-​Bibbja ma ssemmix li Abraham jew it-​tfal tiegħu reġgħu taw l-​għaxra fil-​mija.

 It-​tieni persuna fil-​Bibbja li tat l-​għaxra fil-​mija kien Ġakobb, li Abraham jiġi n-​nannu tiegħu. Ġakobb wiegħed lil Alla li jekk ibierku, jagħtih “wieħed minn kull għaxra” ta’ dak li jirċievi. (Ġenesi 28:20-​22) Xi nies jaħsbu li Ġakobb ta dan billi offra xi annimali bħala sagrifiċċju lil Alla. Għalkemm Ġakobb wiegħed li jagħti l-​għaxra fil-​mija, il-​familja tiegħu ma kinitx obbligata tagħmel bħalu.

Meta Alla Ta l-​Liġi lil Mosè

 L-​Iżraelin ġew kmandati jagħtu l-​għaxra fil-​mija biex jgħinu fil-​qima t’Alla.

  •   Din l-​għaxra fil-​mija kienet tgħin lill-​qassisin u l-​Leviti l-​oħra ħalli jkunu jistgħu jaħdmu full-​time biex jgħinu lin-​nies iqimu lil Alla. Din kienet tgħinhom għax ma kellhomx l-​għelieqi tagħhom. (Numri 18:20, 21) Il-​Leviti li ma kinux qassisin kienu jirċievu l-​għaxra fil-​mija mingħand in-​nies. Imbagħad huma kienu jagħtu l-​aħjar għaxra fil-​mija minn dak li rċivew lill-​qassisin.—Numri 18:26-​29.

  •   Il-​Bibbja ssemmi li fl-​istess sena kienu jagħtu għaxra fil-​mija oħra. Din kienet tgħin lin-​nies Leviti u anki dawk li ma kinux. (Dewteronomju 14:22, 23) Il-​familji Iżraelin kienu jużaw din l-​għaxra fil-​mija f’okkażjonijiet speċjali, u f’ċerti snin kienet tintuża wkoll biex jgħinu lill-​foqra.—Dewteronomju 14:28, 29; 26:12.

 Kemm kellhom jagħtu l-​Iżraelin? L-​Iżraelin kienu jagħtu wieħed minn kull għaxra ta’ dak li tipproduċi l-​art tagħhom kull sena. (Levitiku 27:30) Jekk jagħżlu li jħallsu l-​għaxra fil-​mija bil-​flus minflok b’dak li tipproduċi l-​art, riedu jżidu l-​valur tagħha bi ftit iktar. (Levitiku 27:31) Riedu jagħtu wkoll “parti minn għaxra tal-​merħla tal-​baqar u tal-​merħla tan-​nagħaġ.”—Levitiku 27:32.

 L-​Iżraelin kif kienu jafu liema annimali jridu jagħtu? Billi jagħżlu kull għaxar annimal li joħroġ mill-​post fejn joqogħdu. Il-​Liġi kienet tgħid li riedu jagħtu l-​għaxar annimal mingħajr ma jiċċekkjaw jekk kienx tajjeb jew ħażin. Huma ma setgħux ibiddluh m’annimal ieħor jew jagħtu flus minfloku. (Levitiku 27:32, 33) Imma t-​tieni għaxra fil-​mija, li kienet tintuża fil-​festi ta’ kull sena, setgħu jagħtuha flus minflok. Dan kien jagħmilha eħfef għax l-​Iżraelin riedu jivvjaġġaw triq twila għal dawn il-​festi.—Dewteronomju 14:25, 26.

 L-​Iżraelin meta kienu jagħtu l-​għaxra fil-​mija? Kull sena. (Dewteronomju 14:22) Imma fis-​seba’ sena ma kellhomx għalfejn jagħtu l-​għaxra fil-​mija. Dik is-​sena kienet tkun is-​Sabat, jew is-​sena tal-​mistrieħ. U fiha l-​Iżraelin ma kienu jiżirgħu xejn. (Levitiku 25:4, 5) Għal din ir-​raġuni, f’din is-​sena ma kinux jagħtu l-​għaxra fil-​mija. Imma fit-​tielet u fis-​sitt sena, l-​Iżraelin kienu jagħtu t-​tieni għaxra fil-​mija lill-​foqra u lil-​Leviti.—Dewteronomju 14:28, 29.

 X’kien jiġri jekk ma tħallasx l-​għaxra fil-​mija? Il-​Liġi ma semmietx li jekk Iżraeli ma jħallasx l-​għaxra fil-​mija kellu jbati xi konsegwenza. Dan kienu jagħmluh biex jogħġbu lil Ġeħova. L-​Iżraelin kellhom jgħidu lil Alla li taw l-​għaxra fil-​mija u jitolbuh biex iberikhom talli kienu għamlu hekk. (Dewteronomju 26:12-​15) Dawk li ma kinux jagħtu l-​għaxra fil-​mija, Alla kien iqishom bħallikieku qed jisirqu dak li hu tiegħu.—Malakija 3:8, 9.

 Kien diffiċli għalihom li jagħtu l-​għaxra fil-​mija? Le. Alla wegħedhom li jekk kienu se jagħtuh l-​għaxra fil-​mija, hu kien se jberikhom ħafna u ma kien se jonqoshom xejn. (Malakija 3:10) Imma bħala nazzjon kienu jbatu meta ma kinux jagħtu l-​għaxra fil-​mija. Ma kienx ikollhom il-​barka t’Alla. Il-​qassisin u l-​Leviti kien ikollhom jużaw il-​ħin biex jaħdmu ħalli jkollhom dak li għandhom bżonn. Allura ma setgħux jgħinu lill-​Iżraelin jaqdu lil Alla.—Neħemija 13:10; Malakija 3:7.

 X’Tgħid il-​Bibbja Dwar l-​Għaxra fil-​Mija fit-​“Testment il-​Ġdid”?

 Meta Ġesù kien fuq l-​art, l-​Iżraelin kienu għadhom jagħtu l-​għaxra fil-​mija. Però, ma kienx hemm għalfejn jibqgħu jagħmlu dan wara li miet Ġesù.

Fi żmien Ġesù

 Fil-​parti tal-​Bibbja li ħafna jgħidulha t-​Testment il-​Ġdid, naraw li l-​Iżraelin kienu għadhom jagħtu l-​għaxra fil-​mija waqt li Ġesù kien fuq l-​art. Ġesù qal li kellhom iħallsu l-​għaxra fil-​mija. Però maqdar lill-​mexxejja reliġjużi li, għalkemm kienu jħallsu l-​għaxra fil-​mija, injoraw “l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà.”—Mattew 23:23.

Wara l-​mewt ta’ Ġesù

 Il-​Liġi li Alla ta lill-​Iżraelin ma baqgħetx tgħodd wara l-​mewt ta’ Ġesù. Minħabba f’hekk, wara l-​mewt tiegħu ma kienx hemm għalfejn li “jiġbru l-​għexur mingħand il-​poplu.”—Ebrej 7:5, 18; Efesin 2:13-​15; Kolossin 2:13, 14.

a L-​għexur jew id-​dieċmi huma “għaxra fil-​mija minn dak li jaqilgħu għal użu speċifiku. . . . L-​għexur imsemmijin fil-​Bibbja kienu jingħataw biex iqimu lil Alla.”—Harper’s Bible Dictionary, paġna 765.