Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Prinċipji tal-Bibbja li Jistgħu Jgħinuk Meta Titlef ix-Xogħol

Prinċipji tal-Bibbja li Jistgħu Jgħinuk Meta Titlef ix-Xogħol

 Li titlef ix-​xogħol jistaʼ jkun diffiċli mhux biss finanzjarjament imma wkoll emozzjonalment u mentalment. Is-​suġġerimenti li ġejjin, li huma bbażati fuq prinċipji għaqlin mill-​Bibbja, jistgħu jgħinuk tkampa.

  •   Tkellem m’oħrajn dwar kif qed tħossok.

     X’tgħid il-​Bibbja: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu.”—Proverbji 17:17.

     Wara li titlef ix-​xogħol tistaʼ tħossok imdejjaq, irrabjat, jew mifxul. Forsi tħossok ukoll li ma tiswa għal xejn. Meta titkellem dwar dak li qed tħoss mal-​familja jew il-​ħbieb tiegħek, huma jistgħu jgħinuk tħossok aħjar. Ukoll, huma forsi jagħtuk pariri prattiċi li jistgħu jgħinuk issib xogħol ieħor.

  •   Evita li tinkwieta żżejjed

     X’tgħid il-​Bibbja: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.

     Il-​Bibbja tinkuraġġina nippjanaw bil-​quddiem. (Proverbji 21:5) Però, tavżana wkoll biex nevitaw li ninkwetaw iżżejjed dwar il-​futur. Spiss, ninkwetaw dwar affarijiet li qatt ma jseħħu. Ikun aħjar li nieħdu ġurnata b’ġurnata.

     Il-​Bibbja toffri iktar pariri għaqlin fuq kif tkampa mal-​istress li qiegħed tħoss. Aqra l-​artiklu “X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tkun Stressjat” biex titgħallem iktar.

  •   Agħmel it-​tibdil meħtieġ fil-​budget tiegħek.

     X’tgħid il-​Bibbja: “Tgħallimt . . . kif ikolli bl-​abbundanza u kif inkun fil-​bżonn.”—Filippin 4:12.

     Aġġusta skont is-​sitwazzjoni li qiegħed fiha. Dan se jinkludi li tibdel il-​mod taʼ kif tonfoq il-​flus ħalli ma tonfoqx iktar minn dak li għandek. Oqgħod attent biex ma tidħolx f’dejn bla bżonn.—Proverbji 22:7.

     Għal iktar suġġerimenti fuq kif taġġusta għas-​sitwazzjoni finanzjarja tiegħek, ara l-​artiklu “How to Live on Less.”

  •   Uża l-​ħin bil-​għaqal.

     X’tgħid il-​Bibbja: “Ibqgħu mexjin bl-​għerf . . . , u użaw il-​ħin bl-​aħjar mod.”—Kolossin 4:5.

     Għalkemm issa m’għandekx skeda biex tmur għax-​xogħol, żomm rutina tajba għal kif tuża l-​ħin tiegħek. Li tagħmel dan se jgħinek iżżomm stabbiltà fil-​ħajja, u b’hekk se tħossok aħjar dwarek innifsek.

  •   Kun lest li tagħmel bidliet.

     X’tgħid il-​Bibbja: “F’kull tip taʼ taħbit hemm vantaġġ.”—Proverbji 14:23.

     Kun lest li tagħmel xogħol li hu differenti minn dak li kont tagħmel qabel. Għandek mnejn tikkunsidra xogħlijiet li ma jidhrux importanti u li jħallsu inqas minn dak li kont taqlaʼ qabel.

  •   Kun persistenti.

     X’tgħid il-​Bibbja: “Iżraʼ ż-​żerriegħa tiegħek fil-​għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-​għaxija; għax ma tafx fejn se tirnexxi.”—Ekkleżjasti 11:6.

     Ibqaʼ fittex ix-​xogħol. Għid lil oħrajn li qed tfittex xogħol. Tkellem maʼ min jiġi minnek, maʼ nies li taf, maʼ nies li kont taħdem magħhom, u l-​ġirien. Iċċekkja aġenziji li jsibu ħaddiema għal min iħaddem, riklami għax-​xogħol, u xogħlijiet fuq websites taʼ kumpaniji. Kun lest għal ħafna interviews u li tibgħat ħafna CVs qabel ma ssib xogħol.