Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

FATTURI ESSENZJALI GĦALL-​HENA FIL-​FAMILJA

Tkellem mal-Adoloxxent Tiegħek—⁠Bla Ma Targumenta

Tkellem mal-Adoloxxent Tiegħek—⁠Bla Ma Targumenta

“Meta t-​tifla tiegħi kellha 14-​il sena, bdiet tirrispondini. Meta kont ngħidilha, ‘Sar il-​ħin għall-​ikel,’ kienet tgħidli, ‘Niekol meta jkolli aptit jien.’ Meta kont nistaqsiha jekk kinitx għamlet xi biċċa xogħol li nkun qabbadtha, kienet tgħidli ‘Tiffittanix!’ Ħafna drabi kemm jien u kemm hi konna ngħajtu maʼ xulxin.”—MAKI, IL-​ĠAPPUN. *

Jekk int ġenitur t’adoloxxent, in-​nuqqas taʼ qbil għandu mnejn ikun waħda mill-​iktar sfidi diffiċli li se tiffaċċja bħala ġenitur, u dan jirrikjedi paċenzja kbira. “Meta t-​tifla tiegħi tisfida l-​awtorità tiegħi, demmi jibda jbaqbaq,” tgħid Marija, omm taʼ tfajla tʼ14-​il sena mill-​Brażil. “Tant insiru frustrati li nibdew ngħajtu maʼ xulxin.” Carmela, mill-​Italja, tiffaċċja sfida simili. Hi tgħid: “L-​argumenti mat-​tifel tiegħi dejjem ikunu sħan, u jispiċċaw billi jingħalaq f’kamartu.”

Xi adoloxxenti għala jħobbu jargumentaw daqshekk? Huwa dan tort taʼ dawk tamparhom? Jistaʼ jkun. Il-​Bibbja tgħid li l-​ħbieb taʼ dak li jkun jistgħu jinfluwenzawh ħafna, sew għat-​tajjeb u sew għall-​ħażin. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Barra minn hekk, ħafna mid-​divertiment li jogħġob liż-​żgħażagħ illum juri li r-​ribelljoni u n-​nuqqas taʼ rispett fosthom huma aċċettabbli.

Imma hemm fatturi oħrajn x’jiġu kkunsidrati—fatturi li mhumiex diffiċli wisq biex tpoġġihom fil-​prattika ladarba tifhem kif jistgħu jeffettwaw lill-​adoloxxent tiegħek. Ikkunsidra xi eżempji.

QED JIŻVILUPPA L-​“QAWWA TAR-​RAĠUNI”

L-​appostlu Pawlu kiteb: “Meta kont tifel ċkejken, kont nitkellem taʼ tifel, naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel, neħħejt il-​karatteristiki taʼ tifel ċkejken.” (1 Korintin 13:11) Bħalma jindika kliem Pawlu, it-​tfal u l-​adulti jaħsbu differenti. B’liema mod?

It-​tfal għandhom ħabta jaħsbu li kollox hu jew tajjeb jew ħażin. Għall-​kuntrarju, l-​adulti spiss ikunu iktar kapaċi jirraġunaw fuq affarijiet li ma jkunux ċari ħafna u jaħsbu iktar fil-​fond biex jaslu għal konklużjonijiet jew biex jieħdu deċiżjonijiet. Pereżempju, l-​adulti x’aktarx li iktar jikkunsidraw l-​etika li jkun hemm wara xi kwistjoni u jaħsbu dwar kif l-​azzjonijiet tagħhom se jeffettwaw lil oħrajn. Forsi jkunu mdorrijin jaħsbu b’dan il-​mod. Għall-​kuntrarju, l-​adoloxxenti jkunu għadhom mhumiex familjari maʼ dan il-​proċess.

Il-​Bibbja tinkuraġġixxi liż-​żgħażagħ biex jikkultivaw ‘l-​abbiltà li jaħsbu.’ (Proverbji 1:4) Infatti, il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani kollha biex jużaw il-​“qawwa tar-​raġuni” tagħhom. (Rumani 12:1, 2; Ebrej 5:14) Iżda kultant, minħabba r-​raġunar limitat tiegħu, l-​adoloxxent jistaʼ jibda jargumenta miegħek, saħansitra fuq ħmerija. * Jew forsi jesprimi xi opinjoni li jkun jidher ċar li mhijiex korretta. (Proverbji 14:12) F’sitwazzjoni bħal din, kif tistaʼ tirraġuna miegħu minflok ma targumenta?

IPPROVA DAN: Żomm f’moħħok li l-​adoloxxent għandu mnejn sempliċement qed jitgħallem kif jirraġuna, u li hu mhux daqshekk deċiż li jrid bilfors tgħaddi tiegħu. Biex tara x’għandu f’moħħu, l-​ewwel faħħru għall-​abbiltà li għandu biex jaħseb. (“Jogħġobni l-​mod kif qed tirraġuna, avolja ma naqbilx mal-​konklużjonijiet kollha li tasal għalihom.”) Imbagħad għinu jeżamina l-​mod kif jaħseb. (“Taħseb li dak li għadek kif għedt japplika f’kull sitwazzjoni?”) Forsi tibqaʼ mistagħġeb kif l-​adoloxxent jerġaʼ jirrifletti fuq l-​ideat tiegħu u jtejjibhom.

Oqgħod attent: Meta tkun qed tirraġuna mal-​adoloxxent, toqgħodx taħseb li trid tagħti prova li għandek raġun. Anki jekk dak li tgħid jidher li mhux qed jagħti kasu, l-​adoloxxent wisq probabbli se jiggwadanja iktar mid-​diskussjoni li jkollkom milli taħseb int—jew milli jammetti hu stess. Tiskantax jekk fi ftit jiem l-​adoloxxent ikun tal-​istess opinjoni tiegħek—forsi saħansitra jibda jgħid li l-​idea kienet tiegħu.

“Xi drabi jien u t-​tifel tiegħi nargumentaw dwar affarijiet żgħar—pereżempju, dwar li ma jaħlix jew dwar li ma joqgħodx jinki lil oħtu. Imma fil-​biċċa l-​kbira hu bħallikieku xtaqni nistaqsih kif kien jaħsibha u biex juri li fehem jgħid, ‘Eh, mela dik kienet is-​sitwazzjoni’ jew ‘Mela hekk taħseb int.’ Meta nħares lura nara li ħafna mill-​argumenti li kellna setgħu jiġu evitati kieku għedt xi ħaġa hekk.”—Kenji, il-​Ġappun.

QED JIFFORMA KONVINZJONIJIET

Ġenituri għaqlin joħolqu ambjent li fih l-​adoloxxenti jistgħu jesprimu l-​konvinzjonijiet tagħhom

Parti importanti mit-​taħriġ li jingħata lill-​adoloxxent hi biex tippreparah għal dik il-​ġurnata meta jkun jistaʼ jitlaq mid-​dar u jgħix bħala adult responsabbli. (Ġenesi 2:24) Parti minn dan il-​proċess tinvolvi li jifforma identità—sett taʼ karatteristiki, twemmin, u valuri li jidentifikaw min hu. Meta jiffaċċja l-​pressjoni biex jagħmel il-​ħażin, adoloxxent li jkun jaf eżatt x’tip taʼ persuna jrid ikun mhuwiex se jaħseb biss dwar il-​konsegwenzi. Hu se jistaqsi lilu nnifsu: ‘X’tip taʼ persuna jien? X’valuri għandi? Persuna li jkollha dawn il-​valuri x’se tagħmel f’sitwazzjoni bħal din?’—2 Pietru 3:11.

Il-​Bibbja tgħidilna dwar Ġużeppi, żagħżugħ li kien jaf eżatt x’tip taʼ persuna ried ikun. Pereżempju, meta mart Potifar ħeġġitu biex ikollu x’jaqsam magħha, Ġużeppi wieġeb: “Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” (Ġenesi 39:9) Għalkemm l-​Iżraelin kienu għadhom ma ngħatawx il-​liġi li tipprojbixxi l-​adulterju, Ġużeppi setaʼ jobsor kif Alla kien jaħsibha dwar din il-​kwistjoni. Iktar minn hekk, il-​kliem “kif nistaʼ jien” jindika li hu rawwem fih l-​istess ħarsa t’Alla—parti mill-​identità tiegħu stess.—Efesin 5:1.

L-​adoloxxent tiegħek ukoll għadu qed jifforma l-​identità tiegħu. Dan huwa tajjeb, għax il-​konvinzjonijiet tiegħu se jgħinuh ikampa mal-​pressjoni minn dawk tamparu u jiqfilhom. (Proverbji 1:10-​15) Mill-​banda l-​oħra, dak l-​istess sens taʼ identità għandu mnejn iqanqlu biex jieqaf lilek. Jekk jiġri dan, x’tistaʼ tagħmel?

IPPROVA DAN: Minflok ma tidħol f’xi argument, sempliċement erġaʼ rripeti l-​opinjoni tiegħu. (“Ħa nkun ċert li fhimt. Qed tgħid li . . . ”) Imbagħad, staqsi mistoqsijiet. (“Għala tħossok hekk?” jew “X’wasslek biex tirraġuna hekk?”) Inkuraġġixxi lill-​adoloxxent jesprimi s-​sentimenti u l-​konvinzjonijiet tiegħu. Jekk id-​differenza fl-​opinjoni hi sempliċement preferenza u mhux kwistjoni taʼ tajjeb u ħażin, uri lill-​adoloxxent li tirrispetta l-​opinjoni tiegħu—anki jekk int ma taqbilx għalkollox magħha.

Li wieħed jiżviluppa identità—u l-​konvinzjonijiet li jiġu magħha—mhux biss huwa normali imma wkoll taʼ benefiċċju. Wara kollox, il-​Bibbja tgħid li l-​Kristjani m’għandhomx ikunu bħal tfal żgħar “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.” (Efesin 4:14) Għalhekk, lill-​adoloxxent ħallih u anki inkuraġġih jiżviluppa identità flimkien maʼ konvinzjonijiet sodi.

“Meta nuri lill-​bniet tiegħi li lesta li nismagħhom, huma jkunu iktar lesti li jikkunsidraw l-​opinjoni tiegħi, anki jekk din tkun differenti minn tagħhom. Noqgħod b’sebaʼ għajnejn biex ma nġegħelhomx jaħsbuha bħali, imma nħallihom jifformaw il-​konvinzjonijiet tagħhom stess.”—Ivana, ir-​Repubblika Ċeka.

ĠENITURI, KUNU SODI IMMA RAĠUNEVOLI

Bħal tfal iżgħar, xi adoloxxenti tgħallmu t-​tattika li jibqgħu jitolbu xi ħaġa għal darba wara l-​oħra sabiex jirnexxilhom iġiegħlu lill-​ġenituri tagħhom iċedu. Jekk dan jiġri spiss fil-​familja tiegħek, oqgħod attent. Għalkemm li ċċedi jistaʼ jkun taʼ serħan għal mument, dan se jgħallem lill-​adoloxxent li jekk jargumenta jkun jistaʼ jikseb dak li jrid. X’inhu r-​rimedju? Segwi l-​parir taʼ Ġesù: “Il-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le.” (Mattew 5:37) L-​adoloxxenti x’aktarx li inqas se jargumentaw miegħek meta jkunu jafu li int konsistenti.

Fl-​istess ħin, kun raġunevoli. Ħalli lill-​adoloxxent jispjega, pereżempju, għala jħoss li l-​ħin li jidħol id-​dar għandu jinbidel meta jkun hemm xi okkażjoni partikulari. F’każ bħal dan, int ma tkunx qed iċċedi għall-​pressjoni imma sempliċement tkun qed issegwi dan il-​parir tal-​Bibbja: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”—Filippin 4:5.

IPPROVA DAN: Laqqaʼ l-​familja u ddiskutu r-​regoli dwar il-​ħin li t-​tfal għandhom jidħlu d-​dar, u r-​regoli li għandhom isegwu. Uri li int lest li tagħti widen u tiżen il-​fatturi kollha involuti qabel tieħu xi deċiżjoni. “L-​adoloxxenti għandhom jaraw li l-​ġenituri tagħhom ikunu lesti li jgħidu iva għal xi ħaġa li jitolbuhom jekk din ma tmurx kontra xi prinċipju tal-​Bibbja,” jissuġġerixxi Roberto, missier mill-​Brażil.

M’għandniex xi ngħidu, ebda ġenitur mhu perfett. Il-​Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Jekk issib li għandek xi ftit mit-​tort għala nqalaʼ l-​argument, tibqax lura milli titlob skuża lill-​adoloxxent. Meta tammetti l-​iżball tkun qed tagħti eżempju taʼ umiltà u tgħin lill-​adoloxxent jaġixxi bl-​istess mod.

“Darba wara argument, meta kont ikkalmajt, tlabt skuża lil ibni talli rrabjajt. Dan għen lilu jikkalma wkoll u kien iktar faċli għalih li jismagħni.”—Kenji, il-​Ġappun.

^ L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ Għalkemm f’dan l-​artiklu qed nirreferu għall-​adoloxxent fil-​maskil, il-​prinċipji diskussi japplikaw kemm għall-​ġuvintur u kemm għat-​tfajliet.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • B’liema mod nistaʼ jien inkun qed nagħti lok għall-​argumenti mal-​adoloxxent tiegħi?

  • Kif nistaʼ nuża l-​materjal f’dan l-​artiklu biex nifhem aħjar lill-​adoloxxent tiegħi?

  • X’nistaʼ nagħmel biex nikkomunika mal-​adoloxxent tiegħi mingħajr ma nargumentaw?