Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Lingwi Tagħna Ġew mit-“Torri ta’ Babel”?

Il-Lingwi Tagħna Ġew mit-“Torri ta’ Babel”?

“Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art, u bil-mod il-mod ma baqgħux jibnu l-belt. Huwa għalhekk li din issemmiet Babel, għaliex hemmhekk Ġeħova kien ħawwad il-lingwa taʼ l-art kollha.”—Ġenesi 11:8, 9.

IR-RAKKONT li hemm imniżżel fil-Bibbja veru ġara? Bdew in-nies jitkellmu b’lingwi differenti ħabta u sabta, kif hemm miktub? Xi wħud iwaqqgħu għaċ-ċajt ir-rakkont tal-Bibbja taʼ kif bdew u tferrxu l-lingwi tan-nies. Kittieb wieħed jgħid: “Il-ħrafa tat-Torri taʼ Babel hija waħda mill-iktar stejjer banali li qatt instemgħet.” Anki rabbi Lhudi sejjaħlu “attentat bla sens biex tiġi spjegata l-oriġini tal-ġnus.”

In-nies għala jiċħdu r-rakkont taʼ Babel? Sempliċement għax jikkontradixxi ċerti teoriji dwar l-oriġini tal-lingwi. Pereżempju, xi studjużi jgħidu li l-gruppi tal-lingwi ma dehrux f’daqqa imma evolvew bil-mod il-mod minn lingwa oriġinali waħda. Oħrajn jemmnu li diversi lingwi oriġinali żviluppaw indipendentement, billi minn ħsejjes sempliċi avvanzaw għal diskors kompless. Dawn u teoriji oħrajn li jikkontradixxu lil xulxin wasslu lil ħafna biex jaqblu mal-Professur W. T. Fitch, li fil-ktieb tiegħu The Evolution of Language kiteb: “Għad m’għandniex tweġibiet konvinċenti għalkollox.”

L-arkeoloġi u r-riċerkaturi xi skoprew dwar l-oriġini u l-iżvilupp tal-lingwi tal-bniedem? Jikkonfermaw l-iskoperti tagħhom xi waħda mit-teoriji proposti? Jew dak li sabu jappoġġa r-rakkont tal-Bibbja? L-ewwel, ejja nikkunsidraw ir-rakkont tal-Bibbja iktar bir-reqqa.

FEJN U META ĠARA DAN?

Il-Bibbja tgħid li t-taħwid tal-lingwi u t-tixrid tan-nies ġara “fl-art tas-Sinar,” iktar tard imsejħa Babilonja. (Ġenesi 11:2) Dan meta ġara? Il-Bibbja tgħid li l-popolazzjoni tal-art ġiet maqsuma fi żmien Peleg, li twieled madwar 250 sena qabel Abraham. Għalhekk, il-ġrajjiet taʼ Babel  milli jidher ġraw xi 4,200 sena ilu.—Ġenesi 10:25; 11:18-26.

Xi studjużi jissopponu li l-lingwi moderni ħarġu minn lingwa oriġinali waħda—dik li jaħsbu li użaw in-nies kważi 100,000 sena ilu. * Oħrajn isostnu li l-lingwi tal-lum għandhom l-għeruq tagħhom f’diversi lingwi mitkellma mill-inqas 6,000 sena ilu. Imma l-istudjużi tal-lingwa kif jiddeterminaw il-passi fl-iżvilupp taʼ lingwi estinti? “Dan hu kemxejn diffiċli,” tgħid ir-rivista Economist. “Għall-kuntrarju tal-bijologi, il-lingwisti m’għandhomx fossili biex jiggwidawhom mal-medda taż-żmien.” Ir-rivista żżid tgħid li wieħed studjuż tal-evoluzzjoni tal-lingwa jasal għall-konklużjonijiet tiegħu permezz taʼ kalkoli li huma bbażati fuq ipotesi, u għalhekk mhumiex taʼ min jafdahom għalkollox.

Madankollu, jeżistu “fossili lingwistiċi.” X’inhuma dawn il-fossili, u x’juru rigward l-oriġini tal-lingwi? The New Encyclopædia Britannica tispjega: “L-eqdem rekords taʼ lingwa miktuba, l-uniċi fossili lingwistiċi li l-bniedem jistaʼ jittama li jkollu, ma jmorrux lura iktar minn 4,000 jew 5,000 sena.” L-arkeoloġi fejn skoprew dawn il-“fossili lingwistiċi,” jew rekords taʼ “lingwa miktuba”? Lejn in-naħa t’isfel tal-Mesopotamja—il-post fejn kien is-Sinar tal-qedem. * Għalhekk, l-evidenza fiżika disponibbli taqbel mal-fatti mniżżlin fil-Bibbja.

LINGWI DIFFERENTI, ĦSIB DIFFERENTI

Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid li f’Babel, Alla ‘ħawdilhom il-lingwa tagħhom biex ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa taʼ xulxin.’ (Ġenesi 11:7) B’riżultat taʼ dan, il-ħaddiema “ma baqgħux jibnu l-belt” taʼ Babel u ġew imxerrdin “għal fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.” (Ġenesi 11:8, 9) Għalhekk, il-Bibbja ma tgħidx li l-lingwi moderni kollha għandhom l-għeruq tagħhom f’lingwa oriġinali waħda. Minflok, tiddeskrivi kif f’daqqa dehru ħafna lingwi ġodda li milli jidher kienu żviluppati għalkollox, kull waħda kapaċi tesprimi kwalunkwe sentiment u ħsieb uman u kull waħda differenti u distinta mill-oħrajn.

Tavla tal-fuħħar b’kitba kunejformi, mill-Mesopotamja, it-tielet millennju Q.K.

Xi ngħidu għall-gruppi lingwistiċi fid-dinja llum? Huma bażikament l-istess jew differenti? Ix-xjentista Lera Boroditsky kitbet: “Hekk kif il-lingwisti investigaw iktar fil-fond il-lingwi tad-dinja (madwar 7,000, li ftit minnhom biss ġew analizzati), ħarġu numru bla għadd taʼ differenzi li ma tobsorhomx.” Iva, għalkemm l-ilsna u d-djaletti mill-istess familja taʼ lingwi, bħalma huma l-Cantonese u l-Hakka fin-Nofsinhar taċ-Ċina, jistgħu jkunu simili taʼ xulxin, huma bażikament differenti minn dawk taʼ familja taʼ lingwi oħra, bħal ngħidu aħna, il-Catalan tal-Punent jew il-Valencian fi Spanja.

Il-lingwi jinfluwenzaw kif jaħsbuha n-nies u kif jiddeskrivu d-dinja taʼ madwarhom—kuluri, kwantitajiet, postijiet, u direzzjonijiet.  Pereżempju, b’lingwa waħda wieħed jistaʼ jgħid, “Għandek dudu fuq idek ix-xellugija.Imma b’lingwa oħra jgħid, “Għandek dudu fuq idek tal-Lbiċ.Differenzi bħal dawn jistgħu jħawduk waħda nobis. Mhux taʼ b’xejn li l-bennejja f’Babel sabuha impossibbli biex ikomplu l-proġett tagħhom.

ĦSEJJES JEW DISKORS KUMPLESS?

Kif kienet il-lingwa oriġinali? Il-Bibbja tgħid li l-ewwel raġel, Adam, setaʼ joħloq kliem ġdid meta semma l-annimali u l-għasafar kollha. (Ġenesi 2:20) Adam ikkompona wkoll poeżija biex jesprimi s-sentimenti li kellu għal martu, u hi ddeskriviet ċar u tond x’kien ikkmanda Alla u l-konsegwenzi jekk ma jobdux kliemu. (Ġenesi 2:23; 3:1-3) Mela, l-ewwel lingwa ppermettiet lill-ewwel bnedmin jikkomunikaw tajjeb u jesprimu lilhom infushom.

It-taħwid tal-lingwi f’Babel fixkel l-abbiltà tal-bnedmin li jgħaqqdu flimkien il-qawwiet intellettwali u fiżiċi tagħhom. Però, il-lingwi l-ġodda tagħhom, bħall-ewwel lingwa, kienu komplessi. F’temp taʼ ftit sekli, il-bniedem bena bliet kbar, ġabar armati qawwijin, u waqqaf kummerċ internazzjonali. (Ġenesi 13:12; 14:1-11; 37:25) Setgħu l-bnedmin għamlu progress bħal dan mingħajr l-użu taʼ vokabolarju u grammatika estensivi? Skont il-Bibbja, l-ilsien oriġinali u l-ilsna introdotti f’Babel ma kinux ħsejjes u tgemgim primittiv, imma lingwi kumplessi.

Ir-riċerka moderna tappoġġa din il-konklużjoni. The Cambridge Encyclopedia of Language tgħid: “Kull kultura li ġiet investigata, hi kemm hi ‘primittiva’ kulturalment, jirriżulta li għandha lingwa żviluppata għalkollox, b’komplessità li tħabbatha maʼ dawk tal-hekk imsejħa pajjiżi ‘ċivilizzati.’” Bl-istess mod, fil-ktieb tiegħu The Language Instinct, il-professur Steven Pinker minn Harvard College jgħid: “Ma jeżistux lingwi taʼ Żmien il-Ħaġar.”

IL-FUTUR TAL-LINGWA

Wara li rrivedejna l-età u l-post fejn instabu l-“fossili” lingwistiċi, id-differenzi bażiċi bejn il-gruppi tal-lingwi, u l-komplessità tal-lingwi tal-qedem, liema konklużjoni raġunevoli nistgħu naslu għaliha? Ħafna jikkonkludu li r-rakkont tal-Bibbja taʼ x’ġara f’Babel huwa spjegazzjoni li titwemmen għalkollox.

Il-Bibbja tgħidilna li Alla Ġeħova ħawwad il-lingwi tan-nies f’Babel għax huma rribellaw kontrih. (Ġenesi 11:4-7) Madankollu, hu wiegħed li kien se ‘jagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.’ (Sofonija 3:9) Din il-“lingwa pura,” il-verità mill-Kelma t’Alla, illum tgħaqqad lin-nies minn madwar id-dinja bħala poplu. Jidher loġiku li fil-futur Alla se jkompli jgħaqqad lill-bnedmin billi jagħtihom lingwa waħda, u jġib fix-xejn il-konfużjoni taʼ Babel.

^ Par. 8 It-teoriji dwar il-lingwa ġeneralment jassumu li n-nies evolvew minn annimali bħax-xadini. Biex tikkunsidra stqarrijiet bħal dawn, ara paġni 27-29 tal-browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ Par. 9 Qrib is-Sinar, l-arkeoloġi skavaw diversi torrijiet taʼ tempji mtarrġin forma taʼ piramida. Il-Bibbja tgħid li l-bennejja tat-torrijiet f’Babel użaw madum u mhux ġebel u użaw il-qatran bħala tajn. (Ġenesi 11:3, 4) Fil-Mesopotamja, il-ġebel kien “rari jew saħansitra nieqes għalkollox,” tgħid The New Encyclopædia Britannica, filwaqt li l-qatran kien abbundanti.