Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala hawn ħafna Bibbji?

Għala hawn ħafna Bibbji?

Għaliex illum hawn ħafna verżjonijiet jew traduzzjonijiet tal-​Bibbja? Taħseb li l-​verżjonijiet ġodda se jgħinuk jew ifixkluk biex tifhem il-​Bibbja? Li tkun taf minn fejn oriġinaw se jgħinek tieħu deċiżjoni dwar jekk għandekx tużahom.

Però, l-​ewwel nett, min kiteb il-​Bibbja oriġinarjament, u meta nkitbet?

IL-​BIBBJA ORIĠINALI

Il-​Bibbja normalment hija mqassma f’żewġ partijiet. L-​ewwel parti fiha 39 ktieb li fihom id-​“dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Rumani 3:2) Alla nebbaħ irġiel leali biex jiktbu dawn il-​kotba matul perijodu twil taʼ żmien—madwar 1,100 sena mill-​1513 QK (qabel Kristu) sa xi żmien wara s-​sena 443 QK. Fil-​biċċa l-​kbira nkitbu bl-​Ebrajk, u għalhekk din il-​parti nsejħulha l-​Iskrittura Ebrajka, magħrufa wkoll bħala t-​Testment il-​Qadim.

It-​tieni parti fiha 27 ktieb li wkoll huma “l-​kelma t’Alla.” (1 Tessalonikin 2:13) Alla nebbaħ id-​dixxipli leali taʼ Ġesù Kristu biex jiktbu dawn il-​kotba matul perijodu ferm iqsar taʼ żmien—fuq medda taʼ madwar 60 sena minn madwar is-​sena 41 WK (wara Kristu) sas-​sena 98 WK. Fil-​parti l-​kbira nkitbu bil-​Grieg, u għalhekk din il-​parti nsejħulha l-​Iskrittura Griega Kristjana, magħrufa wkoll bħala t-​Testment il-​Ġdid.

Flimkien, dawn is-​66 ktieb ispirat jagħmlu l-​Bibbja sħiħa—il-​messaġġ t’Alla għall-​bnedmin. Imma għaliex saru aktar traduzzjonijiet tal-​Bibbja? Dawn li ġejjin huma tliet raġunijiet bażiċi.

  • Biex in-​nies ikunu jistgħu jaqraw il-​Bibbja fil-​lingwa tagħhom.

  • Biex jitneħħew l-​iżbalji li saru mill-​kopisti, u b’hekk jiġi restawrat it-​test oriġinali tal-​Bibbja.

  • Biex jinbidel kliem antik li m’għadux jintuża.

Ikkunsidra kif dawn il-​fatturi kienu involuti f’żewġ traduzzjonijiet li saru ħafna żmien ilu.

IS-​SETTANTA GRIEGA

Madwar 300 sena qabel żmien Ġesù, l-​istudjużi Lhud bdew jittraduċu l-​Iskrittura Ebrajka f’lingwa oħra—bil-​Grieg. Din it-​traduzzjoni saret magħrufa bħala s-​Settanta Griega. Għaliex saret? Biex tgħin lill-​ħafna Lhud, li sa dak iż-​żmien kienu jitkellmu l-​Grieg minflok l-​Ebrajk, jibqgħu midħla tal-​“kitba qaddisa” tagħhom.—2 Timotju 3:15.

Is-​Settanta għenet ukoll lil miljuni taʼ wħud li kienu jitkellmu bil-​Grieg, u li ma kinux Lhud, isiru jafu x’tgħallem il-​Bibbja. B’liema mod? Dwar is-​Settanta, il-​Professur W. F. Howard jgħid, “Min-​nofs l-​ewwel seklu, din saret il-​Bibbja tal-​Knisja Kristjana.” Ikompli jgħid li l-​missjunarji tal-​Knisja “kienu jmorru minn sinagoga għall-​oħra ‘jagħtu prova mill-​iskrittura li l-​Messija kien Kristu.’” (Atti 17:3, 4; 20:20) Skont l-​istudjuż tal-​Bibbja F. F. Bruce, din kienet waħda mir-​raġunijiet għala ħafna Lhud “tilfu l-​interess fis-​Settanta.”

Hekk kif id-​dixxipli taʼ Ġesù bdew jirċievu l-​kotba tal-​Iskrittura Griega Kristjana, huma poġġewhom mat-​traduzzjoni tas-​Settanta tal-​Iskrittura Ebrajka, u flimkien saru l-​Bibbja kompluta li għandna llum il-​ġurnata.

IL-​VULGATA LATINA

Madwar 300 sena wara li tlestiet il-​Bibbja, l-​istudjuż reliġjuż Ġirolmu ħareġ traduzzjoni Latina tal-​Bibbja, li eventwalment bdiet tissejjaħ il-​Vulgata Latina. Kienu diġà jeżistu diversi traduzzjonijiet bil-​lingwa Latina, allura għala kien hemm il-​bżonn taʼ oħra ġdida? Ġirolmu ried jikkoreġi “traduzzjonijiet żbaljati, żbalji ovvji, u kliem li ġie miżjud jew imnaqqas bla bżonn,” tgħid The International Standard Bible Encyclopedia.

Ġirolmu kkoreġa ħafna minn dawn l-​iżbalji. Però, maż-​żmien, l-​awtoritajiet tal-​knisja għamlu l-​akbar dannu li qatt setgħu jagħmlu. Huma ddikjaraw il-​Vulgata Latina bħala l-​unika traduzzjoni approvata tal-​Bibbja u baqgħu jagħmlu hekk għal mijiet taʼ snin! Eventwalment, il-​parti l-​kbira tan-​nies ma kienu jafu xejn bil-​Latin. B’hekk, minflok ma għenet in-​nies komuni jifhmu l-​Bibbja, il-​verżjoni tal-​Vulgata għamlet il-​Bibbja ktieb li ħadd ma setaʼ jifhmu.

ĦAFNA AKTAR TRADUZZJONIJIET ĠODDA

Sadanittant, in-​nies komplew jagħmlu traduzzjonijiet oħrajn tal-​Bibbja—bħalma hija l-​famuża Pexitta Sirjaka tal-​ħames seklu WK. Imma ma kienx qabel is-​seklu 14 li reġgħu saru sforzi biex ħafna nies komuni jkollhom l-​opportunità li jaqraw l-​Iskrittura bil-​lingwa tagħhom.

Fl-​Ingilterra, fl-​aħħar tas-​seklu 14, John Wycliffe beda jipproduċi Bibbja bl-​Ingliż li setgħu jifhmuha n-​nies komuni. Ftit wara dan, il-​metodi tal-​istampar taʼ Johannes Gutenberg, fetħu t-​triq għall-​istudjużi tal-​Bibbja biex jistampaw u jqassmu fl-​Ewropa verżjonijiet ġodda tal-​Bibbja f’ħafna lingwi komuni.

Meta t-​traduzzjonijiet bl-​Ingliż żdiedu, xi kritiċi sostnew li ma kienx hemm il-​bżonn li jsiru tant verżjonijiet differenti tal-​istess lingwa. John Lewis, qassis Ingliż tas-​seklu 18, kiteb: “Il-​lingwa teqdiem u ma tibqax tinftiehem. Għalhekk, hemm bżonn li ssir reviżjoni tat-​Traduzzjonijiet antiki biex b’hekk ikunu jistgħu jifhmuha l-​ġenerazzjoni taʼ żmienna.”

Illum, l-​istudjużi tal-​Bibbja qegħdin f’qagħda aħjar biex ikunu jistgħu jeżaminaw bir-​reqqa traduzzjonijiet antiki. Huma għandhom fehma aħjar tal-​lingwi antiki Bibliċi. Ukoll, għandhom manuskritti antiki tal-​Bibbja li huma imprezzabbli u li nstabu fi żminijiet reċenti. Dan jgħin l-​istudjużi jikkonkludu x’kien it-​test oriġinali tal-​Bibbja.

Mela li jkollna verżjonijiet ġodda tal-​Bibbja hu taʼ għajnuna kbira. M’għandniex xi ngħidu, ikun għaqli li toqgħod attent minn xi verżjonijiet. * Imma jekk dawk li għamlu r-​reviżjoni kienu mmotivati minn imħabba ġenwina lejn Alla meta għamlu verżjoni ġdida tal-​Bibbja, ix-​xogħol li għamlu jistaʼ jkun taʼ siwi kbir għalina.

 

^ par. 24 Ara l-​artiklu “Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-​Bibbja?” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa Lulju-​Settembru 2008.