Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nieħu pjaċir inqattaʼ l-ħin maż-żgħażagħ tal-kongregazzjoni

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Kont inħobb il-​baseball iktar minn kull ħaġa oħra!

Kont inħobb il-​baseball iktar minn kull ħaġa oħra!
  • SENA TAT-​TWELID: 1928

  • POST TAT-​TWELID: IL-​KOSTA RIKA

  • PASSAT: KIEN MOĦĦNI BISS FL-​ISPORT PROFESSJONALI U L-​LOGĦOB TAL-​AŻŻARD

IL-​PASSAT TIEGĦI

Jien trabbejt fi Puerto Limón, belt li fiha port fil-​Lvant tal-​Kosta Rika. Il-​ġenituri tiegħi kellhom tmien t’itfal, u jien kont is-​sebaʼ wieħed. Missieri miet meta jien kelli tmien snin. Wara dan, ommi rabbietna waħedha.

Il-​baseball dejjem kien parti minn ħajti. Kont inħobbu dan l-​isport minn meta kont żgħir. Meta kont żagħżugħ, ingħaqadt maʼ tim taʼ dilettanti. Waqt li kont qed nilgħab f’league tad-​dilettanti meta kelli fuq l-​20 sena, wieħed li kien ġie josservana nilagħbu talabni biex nilgħab maʼ tim professjonali fin-​Nikaragwa. Madankollu, peress li ommi dak iż-​żmien kellha saħħa batuta u jien kont qed nieħu ħsiebha, ma ridtx immur ngħix fin-​Nikaragwa. Allura m’aċċettajtx din l-​offerta. Iktar tard, individwu ieħor stidinni biex nilgħab mat-​tim nazzjonali tal-​Kosta Rika, li kien magħmul mill-​aħjar plejers li jilagħbu fil-​league tad-​dilettanti. Din id-​darba aċċettajt l-​offerta. Kont fit-​tim nazzjonali mill-​1949 sal-​1952, u lgħabt diversi logħob f’Kuba, fil-​Messiku, u fin-​Nikaragwa. Fil-​pożizzjoni li kont nilgħab kont immur tajjeb ħafna, saħansitra lgħabt 17-​il logħba wara xulxin mingħajr m’għamilt żball wieħed. Kont nieħu pjaċir nismaʼ l-​folol jgħajtu ismi!

B’dispjaċir, kont ngħix ħajja immorali wkoll. Minkejja li kelli tfajla, dejjem kelli nisa oħra. Kont nixrob iżżejjed ukoll. Darba minnhom tant skirt li meta l-​għada qomt f’soddti, lanqas biss stajt niftakar kif kont wasalt id-​dar! Barra minn hekk, kont nilgħab id-​dominò għall-​flus u nilgħab il-​lotterija.

Waqt li kont qed ngħix b’dan il-​mod, ommi saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi pprovat tħajjarni nieħu interess fit-​twemmin tagħha, imma għall-​ewwel ma rnexxilhiex għax jien kien moħħni biss fl-​isports. Jekk kont inkun qed nittrennja waqt il-​ħin tal-​ikel, lanqas biss kien jaqbadni l-​ġuħ! Kont iffissat fuq dan il-​logħob. Kont inħobb il-​baseball iktar minn kull ħaġa oħra!

Però, meta kelli 29 sena, weġġajt serjament waqt li kont qed nipprova naqbad ballun matul logħba. Wara li rkuprajt, ma bqajtx nilgħab b’mod professjonali. Minkejja dan, xorta waħda bqajt involut fil-​baseball billi kont nittrennja lil tim taʼ dilettanti viċin id-​dar tiegħi.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI

Fl-​1957, aċċettajt stedina biex nattendi konvenzjoni li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kien se jkollhom fi stejdjum li fih ġieli kont lgħabt il-​baseball. Hekk kif kont bilqiegħda fost l-​udjenza, ma stajtx ma ninnotax il-​kuntrast bejn l-​imġiba rispettabbli li rajt fost ix-​Xhieda u l-​imġiba storbjuża li kont nara fost il-​folol li kienu jattendu għal-​logħob tal-​baseball. Dak li rajt f’dik il-​konvenzjoni qanqalni biex nibda nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova u nibda nattendi l-​laqgħat tagħhom.

Bqajt impressjonat bil-​ħafna tagħlim tal-​Bibbja li kont qed nitgħallem. Pereżempju, Ġesù bassar li fl-​aħħar jiem id-​dixxipli tiegħu kienu se jxandru l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla mad-​dinja kollha. (Mattew 24:14) Tgħallimt ukoll li l-​Kristjani veri ma jwettqux l-​inkarigu tagħhom biex jiksbu xi gwadann finanzjarju. Ġesù qal: “Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.”—Mattew 10:8.

Hekk kif kont qed nistudja l-​Bibbja, bdejt inqabbel dak li tgħid maʼ dak li kont qed nara fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kont nammira l-​isforzi bla waqfien tagħhom biex jippritkaw l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla mad-​dinja kollha. Stajt nara li huma ġenerużi bħalma Ġesù kkmanda lill-​Kristjani biex ikunu. Allura meta qrajt Marku 10:21 u rajt l-​istedina taʼ Ġesù, “Ejja kun segwaċi tiegħi,” jien ridt insir Xhud taʼ Ġeħova.

Madankollu, kellu jgħaddi ż-​żmien biex ngħix fi qbil mad-​deċiżjoni tiegħi. Pereżempju, għal ħafna snin kont nieħu biljett tal-​lotterija nazzjonali. Kull ġimgħa kont nilgħab in-​numru li għalija kien iġib il-​“fortuna.” Iżda mill-​Bibbja tgħallimt li Alla jikkundanna lill-​aduraturi tal-​“alla tal-​Fortuna,” kif ukoll lil nies li huma rgħiba. (Isaija 65:11; 1 Korintin 6:10) Allura ddeċidejt li ma nibqax nilgħab il-​logħob tal-​ażżard. L-​ewwel Ħadd wara li waqaft nilgħab il-​lotterija, telaʼ n-​numru li kont dejjem nieħu! In-​nies bdew jgħadduni biż-​żmien minħabba li dik il-​ġimgħa ma kontx lgħabt, u għamluli ħafna pressjoni biex nerġaʼ nibda nilgħab, imma m’għamiltx hekk. Qatt iktar ma rġajt lgħabt għall-​flus.

Dakinhar stess li tgħammidt f’konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, iffaċċjat sfida oħra tal-​“personalità l-​ġdida” tiegħi. (Efesin 4:24) Dik il-​lejla, meta mort lura fil-​lukanda fejn kont qed noqgħod, sibt lill-​eks tiegħi tistennieni wara l-​bieb tal-​kamra tiegħi. “Ejja ħa nieħdu pjaċir, Sammy,” ħeġġitni hi. Imma jien mill-​ewwel għedtilha, “Le!” U fakkartha li issa kont qed ngħix fi qbil mal-​livelli morali tal-​Bibbja. (1 Korintin 6:18) “X’inhu?” qalet bi skantament. Għaliha l-​ħarsa tal-​Bibbja dwar l-​immoralità sesswali ma kinitx importanti u insistiet li nkomplu bir-​relazzjoni tagħna. Madankollu, jien qbadt u dħalt f’kamarti u sakkart il-​bieb warajja. Illum, jien kuntent ngħid li minn mindu sirt Xhud, fl-​1958, żammejt lealment mal-​bidliet li għamilt f’ħajti.

KIF IBBENEFIKAJT

Inħoss li nistaʼ nikteb ktieb dwar il-​benefiċċji li rċivejt talli nsegwi l-​gwida tal-​Bibbja! Ftit minn dawn il-​benefiċċji huma li issa għandi ħafna ħbieb taʼ veru, skop fil-​ħajja, u ferħ veru.

Għadni nħobbu l-​baseball, imma bdilt il-​prijoritajiet tiegħi. Bil-​baseball ksibt fama u flus, imma dawn l-​affarijiet mhumiex dejjiema. Imma r-​relazzjoni tiegħi m’Alla u l-​fratellanza li jien parti minnha jibqgħu għal dejjem. Il-​Bibbja tgħid: “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Issa nħobb lil Alla Ġeħova u lin-​nies tiegħu iktar minn kull ħaġa oħra!