Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | SE TAĊĊETTAH INT L-AQWA RIGAL MINGĦAND ALLA?

L-aqwa rigal mingħand Alla—Għala daqstant prezzjuż?

L-aqwa rigal mingħand Alla—Għala daqstant prezzjuż?

X’jagħmel rigal verament prezzjuż għalik? X’aktarx li hemm erbaʼ fatturi involuti: (1) min tak ir-rigal, (2) għala tahulek, (3) liema sagrifiċċju kien hemm involut biex setaʼ jingħata, u (4) jekk kienx hemm verament bżonnu. Li naħsbu fuq dawn il-fatturi jistaʼ jgħinna biex inkabbru l-apprezzament tagħna għall-fidwa—l-aqwa rigal mingħand Alla.

MIN TAHULNA?

Xi għotjiet huma prezzjużi għax ikunu ġew minn xi ħadd fl-awtorità jew minn xi ħadd li nistmawh ħafna. Rigali oħrajn, minkejja li ma tantx ikunu jiswew flus, ngħożżuhom għax ikun tahomlna xi ħadd għażiż minn tal-familja jew xi ħabib fdat. Dan kien il-każ tar-rigal li Russell ta lil Jordan, li ssemma fl-artiklu taʼ qabel. Dan kif japplika għar-rigal tal-fidwa?

L-ewwel, il-Bibbja tgħid li “Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu.” (1 Ġwanni 4:9) Dan il-fatt jagħmel dan ir-rigal tassew prezzjuż. Ħadd m’għandu iktar awtorità minn Alla. Dwaru, salmista Ebrajk kiteb: “Int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:18) Ma nistgħux ningħataw rigal mingħand xi ħadd li għandu iktar awtorità.

It-tieni, Alla hu “Missierna.” (Isaija 63:16) B’liema mod? Hu tana l-ħajja. Barra minn hekk, hu l-ħin kollu jieħu ħsiebna bħalma missier devot jieħu ħsieb lil uliedu. Meta indirizza lill-poplu tal-qedem tiegħu bħala Efrajm, Alla staqsa: “M’huwiex Efrajm iben prezzjuż għalija, tifel li nittrattah b’għożża? . . . Żgur tiġini ħasra minnu.” (Ġeremija 31:20) Alla jħossu l-istess dwar il-qaddejja tiegħu llum. Hu mhuwiex biss il-Ħallieq li jistaʼ kollox imma wkoll il-Missier u l-Ħabib leali tagħna. Allura m’għandniex ngħożżu kull għotja li jagħtina?

GĦALA NGĦATA?

Xi għotjiet huma prezzjużi għax ikunu ngħataw sforz l-imħabba ġenwina li wieħed ikollu u mhux għax ikun iħossu obbligat. Wieħed li verament jagħti mill-qalb ma jistenniex li jpattulu għal qalb tajba li jkun wera.

Alla ta lil Ibnu għall-benefiċċju tagħna għax ħabbna. “B’dan intweriet l-imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu,” tgħid il-Bibbja. Għal liema skop? “Biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu.” (1 Ġwanni 4:9) Kien Alla obbligat li jagħmel dan? Lanqas xejn! “Il-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù” hi espressjoni tal-“qalb tajba mhix mistħoqqa” t’Alla.—Rumani 3:24.

Ir-rigal t’Alla għala hu att taʼ “qalb tajba mhix mistħoqqa”? Il-Bibbja tispjega: “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:8) Imħabba mhix egoista qanqlet lil Alla biex jaġixxi għall-benefiċċju tal-bnedmin, li huma dgħajfa, midinba, u mhux kapaċi jfendu għal rashom. Ma ngħatajniex din l-imħabba għax kien jistħoqqilna u lanqas qatt ma nistgħu nħallsuh għaliha! Dan ir-rigal hu l-akbar espressjoni taʼ mħabba fl-istorja.

LIEMA SAGRIFIĊĊJU SAR?

Xi għotjiet huma prezzjużi għax min ikun tahomlna jkun għamel sagrifiċċju kbir. Meta individwu jkun lest li jagħtina rigal li għalih ikun taʼ valur kbir, aħna ngħożżuh ħafna r-rigal minħabba s-sagrifiċċju.

Alla “ta l-Iben uniġenitu tiegħu.” (Ġwanni 3:16) Hu ma setax jagħtina lil xi ħadd iktar għażiż għalih. Matul is-snin bla għadd li Alla kien qed joħloq l-univers, Ġesù ħadem flimkien miegħu u sar il-wieħed li Alla kien ‘jgħożż b’mod speċjali.’ (Proverbji 8:30) Ġesù hu l-Iben maħbub t’Alla u “x-xbieha t’Alla li ma jidhirx.” (Kolossin 1:13-15) Qatt ma kien hemm rabta iktar mill-qrib bejn żewġ persuni intelliġenti.

Madankollu, Alla “lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha.” (Rumani 8:32) Ġeħova tana l-aqwa nett. L-ebda rigal ma swielu iktar minn dan.

MA NGĦADDUX MINGĦAJRU

Xi għotjiet huma prezzjużi għax verament ikollna bżonnhom, forsi anki b’mod urġenti. Ejja ngħidu li ma stajtx taffordja kura medika li kellek bżonn biex issalva ħajtek, imma xi ħadd minn jeddu joffri li jħallashielek. Min jaf kemm tkun grat lejh! Dan ir-rigal ikun tabilħaqq imprezzabbli, hux hekk?

“Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.” (1 Korintin 15:22) Bħala dixxendenti t’Adam, aħna lkoll ‘qed imutu,’ għax ma nistgħux neħilsu mill-pjagi tal-mard u l-mewt jew nersqu qrib t’Alla u nidhru bla ħtija quddiemu. U bħala sempliċi bnedmin, la nistgħu nagħtu l-ħajja lilna nfusna u lanqas lil ħaddieħor. Il-Bibbja tgħid: “Ħadd minnhom ma jistaʼ jifdi b’xi mod lil ħuh, u lanqas jagħti lil Alla fidwa għalih.” (Salm 49:7) Għandna bżonn l-għajnuna b’mod iddisprat għax ma nistgħux inħallsu l-prezz tal-fidwa. Li kieku tħallejna naqdfu għal rasna, ma konna nkunu nistgħu nagħmlu xejn.

Sforz l-imħabba kbira tiegħu, Ġeħova minn jeddu ħallas għall-“kura” li għandna bżonn biex insalvaw. Permezz taʼ Ġesù, “kulħadd għad jingħata l-ħajja.” Il-fidwa kif twettaq dan? “Id-demm taʼ Ibnu Ġesù jnaddafna minn kull dnub.” Iva, fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù tagħtina opportunità biex jinħafrulna dnubietna u biex inkunu nistgħu niksbu l-ħajja taʼ dejjem. (1 Ġwanni 1:7; 5:13) U l-fidwa x’se tagħmel għall-mejtin maħbubin tagħna? “Ladarba l-mewt ġiet permezz taʼ bniedem, l-irxoxt tal-mejtin ġie wkoll permezz taʼ bniedem [Ġesù].”—1 Korintin 15:21. *

Il-bniedem qatt ma rċieva rigal minn xi ħadd li għandu iktar awtorità jew li kien immotivat minn iktar imħabba mir-rigal tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Ħadd qatt ma kien lest li jagħmel sagrifiċċju għalina daqs Alla Ġeħova. U l-ebda rigal mhu iktar bżonjuż mis-sagrifiċċju uniku li jeħlisna mid-dnub u l-mewt. Iva, m’hemm ebda rigal li jistaʼ jibda mal-valur imprezzabbli tal-fidwa.

 

^ par. 19 Għal iktar informazzjoni dwar l-iskop t’Alla biex jirxoxta l-mejtin, ara kapitlu 7 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli fuq www.pr418.com/mt.