Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | META XI ĦADD MAĦBUB IMUT

Infarrġu lil dawk li jitnikktu

Infarrġu lil dawk li jitnikktu

Ġieli ħassejt li ma stajt tagħmel xejn meta xi ħadd qrib tiegħek kien imnikket minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub? Kultant ma nkunux ċerti x’se ngħidu jew nagħmlu—għalhekk nispiċċaw ma ngħidu jew nagħmlu xejn. Imma hemm affarijiet prattiċi u taʼ għajnuna x’nistgħu nagħmlu.

Spiss, dak li jkun hemm bżonn hu l-​preżenza tiegħek flimkien maʼ espressjoni sempliċi, bħal “Veru jiddispjaċini.” F’ħafna kulturi, tgħanniqa jew għafsa taʼ id ġentili lill-​persuna hu mod effettiv biex turi li jimpurtak minnha. Jekk il-​persuna mnikkta tkun trid titkellem, ismagħha b’simpatija. L-​aħjar ħaġa li biha tistaʼ tgħin lill-​familja mnikkta hi li forsi tagħmlilhom xi qadja li ma setgħux jagħmlu huma, bħal tisjir, tieħu ħsieb it-​tfal, jew tgħin bl-​arranġamenti tal-​funeral jekk dan ikun mixtieq. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu iktar taʼ għajnuna mill-​iżjed kliem mirqum tajjeb.

Maż-​żmien, għandu mnejn tħossok li tistaʼ titkellem dwar dak li miet, forsi billi tiffoka fuq xi kwalitajiet tajbin jew esperjenzi taʼ ferħ. Konversazzjoni bħal din tistaʼ saħansitra ġġib tbissima fuq wiċċ il-​persuna mnikkta. Pereżempju, Pam—li sitt snin ilu mitilha żewġha, Ian—tgħid: “Kultant in-​nies jgħiduli xi affarijiet tajbin li għamel Ian u li qatt ma kont  naf bihom, u dan jgħinni biex inħossni tajba.”

Xi riċerkaturi jgħidu li ħafna nies li ġarrbu telfa jirċievu ħafna għajnuna fil-​bidu imma l-​bżonnijiet tagħhom malajr jintesew hekk kif il-​ħbieb jerġgħu jkunu mħabbtin fil-​ħajja tagħhom. Għalhekk, agħmilha mira li wara t-​telfa u fuq bażi regulari tagħmel kuntatt mal-​ħabib li mietlu xi ħadd. * Ħafna wħud imnikktin japprezzaw bil-​kbir din l-​opportunità taʼ li jserrħu lilhom infushom minn sentimenti taʼ niket li jdumu ħafna.

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Kaori, mara żagħżugħa Ġappuniża li kienet ixxokkjata bit-​telfa taʼ ommha, u wara 15-​il xahar tilfet lil oħtha l-​kbira wkoll. B’ferħ, hi rċiviet sapport kontinwu minn ħbieb leali. Waħda minnhom jisimha Ritsuko. Hi ħafna ikbar minn Kaori u offritilha biex tkun ħabiba tal-​qalb tagħha. “Biex ngħidlek il-​verità,” tgħid Kaori, “ma kontx ferħana dwar dan. Ma ridt lil ħadd jieħu post ommi, u ħsibt li ħadd ma setaʼ jagħmel dan. Madankollu, minħabba l-​mod kif ittrattatni Mama Ritsuko, inġbidt lejha. Kull ġimgħa, konna noħorġu flimkien għax-​xogħol tal-​evanġelizzar u konna mmorru l-​laqgħat Kristjani flimkien. Hi kienet tistidinni biex nieħu naqra te magħha, kienet iġġibli l-​ikel, u tiktibli ittri u kartolini ħafna drabi. L-​attitudni pożittiva taʼ Mama Ritsuko kellha influwenza tajba fuqi.”

Għaddew tnax-​il sena minn meta mietet omm Kaori, u llum Kaori u żewġha huma evanġelizzaturi full-​time. “Mama Ritsuko,” tgħid Kaori, “tkompli turi li jimpurtaha minni. Dejjem ngħaddi sa ħdejha meta mmur fejn kont noqgħod u nieħu pjaċir bl-​assoċjazzjoni li tibni tagħha.”

Poli, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Ċipru, hi eżempju ieħor taʼ xi ħadd li bbenefika minn sapport kontinwu. Poli kellha raġel qalbu tajba, Sozos, li ta eżempju tajjeb bħala ragħaj Kristjan billi spiss stieden f’darhom lil tfal iltiema u romol għall-​ikel u l-​kumpanija. (Ġakbu 1:27) B’dispjaċir, meta kellu 53 sena, Sozos miet minħabba tumur f’moħħu. “Tlift lir-​raġel leali tiegħi li qattajt 33 sena taʼ żwieġ miegħu,” tgħid Poli.

Sib modi prattiċi biex toffri għajnuna lill-imnikktin

Wara l-​funeral, Poli marret il-​Kanada maʼ binha ż-​żgħir, Daniel, taʼ 15-​il sena. Hemmhekk bdew jassoċjaw maʼ kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. “L-​aħwa fil-​kongregazzjoni l-​ġdida,” tiftakar Poli, “ma kienu jafu xejn dwar il-​passat u ċ-​ċirkustanzi diffiċli li għaddejna minnhom. Imma dan ma waqqafhomx milli javviċinawna, jgħannquna, jgħidulna kliem sabiħ, u jgħinuna b’mod prattiku. Kemm apprezzajt dik l-​għajnuna, speċjalment f’dak iż-​żmien, meta ibni l-​iktar kellu bżonn lil missieru! Dawk li jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni wrew ħafna interess personali f’Daniel. Wieħed b’mod partikulari għamel ċert li jinkludi lil Daniel meta l-​aħwa gawdew assoċjazzjoni flimkien jew meta kienu joħorġu jilagħbu bil-​ballun.” Illum il-​ġurnata kemm l-​omm u kemm it-​tifel sejrin tajjeb.

Ċertament, hemm ħafna modi kif nistgħu noffru għajnuna prattika u nfarrġu lil dawk li jitnikktu. Il-​Bibbja wkoll tfarraġna permezz taʼ tama eċċitanti għall-​futur.

^ par. 6 Xi wħud saħansitra mmarkaw id-​data tal-​mewt fuq il-​kalendarju tagħhom bħala tfakkira biex joffru faraġ meta forsi jkun l-​iżjed bżonjuż—f’dik id-​data tal-​mewt jew viċin tagħha.