Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ninwe kienet belt li kien fiha bini u monumenti impressjonanti

Kont Taf?

Kont Taf?

Wara ż-​żmien taʼ Ġona, Ninwe x’sar minnha?

MADWAR is-​sena 670 qabel Kristu (QK), l-​Assirja saret l-​ikbar imperu fid-​dinja. Il-​website taʼ The British Museum spjegat li t-​territorju kien “minn Ċipru fil-​Punent sal-​Iran fil-​Lvant, u għal xi snin kien jinkludi wkoll l-​Eġittu.” Il-​belt kapitali tal-​Assirja, Ninwe, kienet l-​ikbar belt fid-​dinja. Hi kellha monumenti impressjonanti, ġonna mill-​isbaħ, palazzi lussużi, u libreriji kbar. Kitbiet minquxa fuq il-​ħitan antiki taʼ Ninwe wrew li s-​Sultan Ashurbanipal, bħas-​slaten tal-​Assirja taʼ qablu, sejjaħ lilu nnifsu “sultan tad-​dinja.” Meta kien qed imexxi hu, kien jidher impossibbli li xi ħadd jegħleb lill-​Assirja u Ninwe.

Il-Qawwa Dinjija Assirjana kienet l-ikbar imperu fid-dinja dak iż-żmien

Imma meta l-​Assirja kienet fl-​aqwa tagħha, il-​profeta taʼ Ġeħova, Sofonija, qal: “[Ġeħova] se . . . jeqred lill-​Assirja. U jagħmel lil Ninwe ħerba, reġjun bla ilma bħax-​xagħri.” Barra minn hekk, il-​profeta taʼ Ġeħova, Naħum, ukoll qal: “Isirqu l-​fidda; isirqu d-​deheb; . . . Belt vojta, magħmula baħħ, u mħarbta! . . . Kulmin jarak jaħrab ’il bogħod minnek u jgħid, ‘Ninwe saret ħerba!’” (Sof. 2:13; Naħ. 2:9, 10; 3:7) In-​nies li semgħu dawn il-​profeziji forsi ħasbu: ‘Dan kif qatt jistaʼ jiġri? Kif jistaʼ xi ħadd jirbaħ lill-​Assirja?’ Kienet tidher impossibbli.

Ninwe saret art mitluqa u abbandunata!

Imma hekk ġara! Ftit qabel is-​sena 600 QK, il-​Babiloniżi u l-​Medi rebħu lill-​Assirja. F’Ninwe ma baqgħux jgħixu nies, u maż-​żmien din il-​belt intesiet kompletament! Skont pubblikazzjoni li ħarġet minn The Metropolitan Museum of Art fi New York, “din il-​belt ġiet abbandunata u mirduma, u n-​nies kienu jsiru jafu biha mill-​Bibbja biss.” Skont il-​Biblical Archaeology Society, madwar is-​sena 1800 wara Kristu (WK), “ħadd ma kien jaf jekk il-​belt taʼ Ninwe kinitx vera teżisti.” Imma fl-​1845, l-​arkeologu Austen Henry Layard beda jħaffer fejn qabel kien hemm il-​belt taʼ Ninwe. Dak li sab wera li Ninwe kienet belt impressjonanti.

Il-​fatt li l-​profeziji dwar Ninwe seħħew bl-​eżatt isaħħilna l-​fidi li l-​profeziji tal-​Bibbja dwar il-​qerda tal-​gvernijiet fi żmienna wkoll se jseħħu.—Dan. 2:44; Riv. 19:15, 19-​21.