Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Gallettini għall-Klieb

Gallettini għall-Klieb

“FIL-​BIDU tal-​2014, jien bdejt immur mixja biż-​żewġt iklieb żgħar tiegħi fil-​pjazza fejn kont ngħix,” kiteb Nick li joqgħod f’Oregon, l-​Istati Uniti. “Hemmhekk kien ikun hemm ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bl-​istands tal-​letteratura. Huma kienu jkunu lebsin pulit u kienu jitbissmu lil kull min jgħaddi.

“Ix-​Xhieda ma kinux dħulin man-​nies biss, imma anke mal-​klieb tiegħi. Darba waħda, Elaine, li kienet qiegħda mal-​istand, tat il-​gallettini lill-​klieb tiegħi. Minn dakinhar, kull darba li kont ngħaddi minn quddiemhom, il-​klieb kienu jiġbduni għal ħdejhom biex ituhom il-​gallettini.

“Kull darba li konna ngħaddu minn hemm, il-​klieb kienu jieħdu pjaċir bil-​gallettini li jtuhom u jien kont nieħu pjaċir bil-​konversazzjonijiet qosra li kien ikolli magħhom. Imma kont inżomm lura u ma kontx nitkellem magħhom għal ħafna ħin. Jien kelli iktar minn 70 sena, u ma kontx naf x‘jemmnu x-​Xhieda taʼ Ġeħova. Minħabba li kont iddiżappuntat b’ħafna reliġjonijiet Kristjani, ħsibt li aħjar nistudja l-​Bibbja waħdi.

“Matul dan iż-​żmien, jien kont nara Xhieda oħrajn bl-​istands fil-​belt fejn kont noqgħod u kollha kienu dħulin. Huma dejjem wieġbu l-​mistoqsijiet li kelli minn fuq il-​Bibbja u dan ġegħelni nafdahom.

“Darba waħda, Elaine staqsietni, ‘Temmen li l-​annimali huma rigal mingħand Alla?’ Jien għedtilha, ‘Iva, dażgur li nemmen!’ Imbagħad Elaine qratli Isaija 11:6-​9. Minn dakinhar, jien xtaqt nitgħallem iktar dwar il-​Bibbja, imma xorta ma ridtx nieħu letteratura minn tagħhom.

“Wara dan, jien bdejt nieħu pjaċir bil-​konversazzjonijiet qosra imma interessanti li kien ikolli maʼ Elaine u r-​raġel tagħha, Brent. Huma ssuġġerewli biex naqra minn Mattew sa Atti biex nifhem x’jiġifieri tkun Kristjan veru. U hekk għamilt. Wara ftit, jien aċċettajt studju tal-​Bibbja maʼ Brent u Elaine. Dan kien fis-​sajf tal-​2016.

“Kont inħares ’il quddiem biex nagħmel l-​istudju tal-​Bibbja kull ġimgħa u mmur il-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Vera kont ferħan li bdejt nitgħallem dak li tgħid il-​Bibbja. Wara ftit iktar minn sena, sirt Xhud taʼ Ġeħova. Issa li għandi 79 sena, vera kuntent li sibt ir-​reliġjon vera u li Ġeħova tani l-​privileġġ li nsir parti mill-​familja kbira li għandu mad-​dinja kollha.”