Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Preġudizzju—Ġejt Infettat?

Il-Preġudizzju—Ġejt Infettat?

Il-​preġudizzju huwa bħal virus. Hu jagħmel il-​ħsara lill-​vittmi tiegħu, u n-​nies għandu mnejn ma jkunux jafu li huma infettati bih.

In-​nies forsi juru preġudizzju mhux biss lejn nies taʼ nazzjonalità, razza, tribù, jew lingwa oħra imma wkoll lejn dawk taʼ reliġjon, ġeneru, jew klassi soċjali differenti. B’mod negattiv, xi nies jiġġudikaw oħrajn skont l-​età, l-​edukazzjoni, id-​diżabilitajiet, jew id-​dehra fiżika tagħhom. Madankollu, xorta jħossuhom li mhumiex juru preġudizzju.

Int infettat bil-​preġudizzju? Ħafna minna jindunaw bil-​preġudizzju f’oħrajn. Imma jistaʼ jkun diffiċli li naraw il-​preġudizzju fina stess. Il-​verità hi li sa ċertu punt ilkoll kemm aħna nuru preġudizzju. Il-​professur tas-​soċjoloġija David Williams jgħid li meta n-​nies jaħsbu b’mod negattiv dwar grupp u mbagħad jiltaqgħu maʼ xi ħadd minn dan il-​grupp, “huma jittrattaw dik il-​persuna b’mod differenti u lanqas biss ikunu jafu li għamlu dan.”

Pereżempju, fix-​Xlokk tal-​Ewropa fejn joqgħod Jovica, hemm grupp żgħir li n-​nies ma jiħdux pjaċir bihom. Hu jammetti, “Ħsibt li ħadd minn dak il-​grupp ma jistaʼ jkun persuna tajba. Imma ma kontx naf li qed nuri preġudizzju, għax ħsibt li kont naf il-​verità dwarhom.”

Ħafna gvernijiet jgħaddu liġijiet biex jiġġieldu kontra r-​razziżmu u forom oħra taʼ preġudizzju. Xorta waħda, il-​preġudizzju għadu magħna. Għaliex? Għax dawn il-​liġijiet jgħoddu biss għal dak li persuna tagħmel. Dawn ma jistgħux jikkontrollaw dak li persuna taħseb u tħoss. U l-​preġudizzju jibda fil-​qalb u l-​moħħ tal-​bniedem. Allura, tistaʼ l-​ġlieda kontra l-​preġudizzju tintrebaħ? Jistaʼ l-​preġudizzju jitfejjaq?

L-​artikli li ġejjin se jiddiskutu ħames prinċipji li għenu lil ħafna nies biex jiġġieldu kontra l-​ħsibijiet u s-​sentimenti preġudikati tagħhom.