Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.

Alla Jismaʼ t-Talb Tagħna?

Alla Jismaʼ t-Talb Tagħna?

Qatt ħsibt jekk Alla jisimgħekx meta titlob? Mhux waħdek jekk taħseb hekk. Ħafna talbu lil Alla dwar xi problemi li kellhom, imma l-​problemi baqgħu. Ifisser dan li Alla ma jagħtix kas it-​talb tagħna? Le! Il-​Bibbja tassigurana li Alla jismagħna meta nitolbuh kif suppost. Ejja naraw x’tgħid il-​Bibbja.

ALLA QIEGĦED JISMAGĦNA.

“O Semmiegħ it-​talb, għandek jiġu n-​nies taʼ kull xorta.”—Salm 65:2.

Xi nies, għalkemm jaħsbu li ħadd ma qed jismagħhom, jitolbu għax jgħidu li jħossuhom aħjar. Imma t-​talb mhux xi ħaġa li nagħmlu sempliċement biex inħossuna aħjar u nkunu nistgħu nkampaw iżjed mal-​problemi tagħna. Il-​Bibbja taċċertana li “Ġeħova * hu qrib dawk kollha li jsejħulu, dawk kollha li jsejħulu bil-​verità. . . . U se jismaʼ l-​għajta tagħhom għall-​għajnuna.”—Salm 145:18, 19.

Mela nistgħu nkunu ċerti li Alla Ġeħova jismaʼ t-​talb tal-​qaddejja tiegħu. Bi mħabba jgħidilna: “Issejħuli u tiġu titolbuni, u jien nismagħkom.”—Ġeremija 29:12.

ALLA JRIDEK TITOLBU.

“Ipperseveraw fit-​talb.”Rumani 12:12.

Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ‘nitolbu kontinwament’ u biex ‘nibqgħu nitolbu f’kull okkażjoni.’ B’mod ċar, Alla Ġeħova jridna nitolbuh.—Mattew 26:41; Efesin 6:18.

Alla għala jridna nitolbu lilu? Aħseb naqra: Liema ġenitur ma jkunx irid lit-​tifel tiegħu jistaqsih “Da, tistaʼ tgħinni”? Ovvjament, il-​missier jistaʼ jkun li diġà jaf xi jkollu bżonn it-​tifel u kif iħossu. Imma meta jismaʼ lit-​tifel jistaqsi għall-​għajnuna, dan jurih kemm jafdah u jħobbu. B’mod simili, meta aħna nitolbu lil Alla Ġeħova, inkunu qed nuruh li nafdawh u li rridu nersqu qrib tiegħu.—Proverbji 15:8; Ġakbu 4:8.

ALLA VERU JIMPURTAH MINNEK.

‘Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.’—1 Pietru 5:7.

Alla jridna nitolbuh għax iħobbna u jimpurtah minna. Hu jaf bil-​problemi kollha tagħna u dak li jinkwetana, u hu jrid jgħinna.

Matul ħajtu, is-​Sultan David talab lil Alla Ġeħova għall-​għajnuna u qallu x’kien jaħseb u kif kien iħossu. (Salm 23:1-6) Alla kif ħassu dwar David? Alla kien iħobbu lil David u kien jismaʼ t-​talb kollu tiegħu. (Atti 13:22) Bl-​istess mod, Alla jismaʼ t-​talb tagħna għax jimpurtah minna.

JIEN INĦOBB LIL ĠEĦOVA GĦAX JISMAGĦNI

Kittieb tas-​salmi fil-​Bibbja esprima lilu nnifsu b’dan il-​kliem. Hu kien ċert li Alla kien qed jismaʼ t-​talb tiegħu, u dan għenu ħafna. Hu ħassu eqreb t’Alla u b’hekk kellu s-​saħħa biex ikampa mal-​problemi tal-​ħajja.—Salm 116:1-9.

Meta nkunu ċerti li Alla jismaʼ t-​talb tagħna, aħna se nibqgħu nitolbuh. Ejja naraw l-​esperjenza taʼ Pedro, li jgħix in-​naħa taʼ fuq taʼ Spanja. Hu tilef lil ibnu taʼ 19-​il sena f’aċċident tat-​traffiku. Fin-​niket li kellu, Pedro fetaħ qalbu m’Alla u talbu kemm-​il darba għall-​faraġ u s-​sapport. X’ġara? Pedro qal: “Ġeħova wieġeb it-​talb tiegħi bil-​faraġ u s-​sapport li jien u marti rċivejna mingħand il-​Kristjani sħabna.”

Spiss, it-talb tagħna jiġi mwieġeb permezz tal-faraġ u s-sapport taʼ ħbieb li jħobbuna

Waqt li t-​talb ma ġabx lil ibnu lura, dan għen ħafna lil Pedro u lill-​familja tiegħu. Il-​mara tiegħu, María Carmen, tiftakar: “It-​talb għenni nissaporti n-​niket. Kont naf li Alla Ġeħova fehemni għax meta tlabtu, ħassejt paċi u kalma.”

Il-​Bibbja u l-​esperjenzi personali taʼ ħafna nies juru b’mod ċar li Alla jismaʼ t-​talb. Imma huwa ċar ukoll li Alla ma jismax it-​talb kollu. Alla għala jismaʼ xi talb u mhux ieħor?

^ par. 5 Ġeħova hu l-​isem personali t’Alla.—Salm 83:18.