Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ĠIET DISINJATA?

Ix-xehda tal-għasel

Ix-xehda tal-għasel

IN-NAĦAL tal-għasel (Apis mellifera) jibnu x-xehda tal-għasel tagħhom bix-xamaʼ li jiġi minn glandoli misjubin fin-naħa taż-żaqq tal-insett. Ix-xehda hi meqjusa bħala meravilja tal-inġinerija. Għala?

Ikkunsidra: Għal sekli sħaħ, il-matematiċi ħasbu li d-diviżorji tal-għamla eżagonali (figura ġeometrika b’sitt iġnub) kienu aħjar minn trijangli jew kaxxi bil-ġnub indaqs—jew kwalunkwe għamla oħra—biex joħolqu spazju bl-inqas ammont taʼ materjal tal-bini. Imma ma setgħux jispjegaw għala għalkollox. Fl-1999, il-professur Thomas C. Hales ta provi matematiċi għala l-għamla eżagonali hi superjuri, u b’hekk għandha vantaġġ. Hu wera li eżagoni regolari huma l-aħjar mezz biex tinqasam erja f’partijiet indaqs bl-inqas sapport strutturali.

Billi jużaw ċelel eżagonali, in-naħal jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tal-ispazju kollu li jkollhom, jipproduċu xehda ħafifa imma soda bl-inqas użu taʼ xamaʼ, u jaħżnu l-ikbar ammont taʼ għasel fl-ispazju li jkollhom. Mhux taʼ b’xejn li x-xehda ġiet deskritta bħala “kapolavur tal-arkitettura.”

Illum, ix-xjentisti jimitaw ix-xehda tan-naħal biex joħolqu strutturi li huma kemm sodi kif ukoll effiċjenti fl-użu tal-ispazju. Pereżempju, l-inġiniera tal-ajruplani jużaw pannelli disinjati fuq ix-xehda tal-għasel biex jibnu ajruplani li huma iktar b’saħħithom u eħfef, u b’hekk jużaw inqas fjuwil.

Int x’taħseb? L-istruttura superjuri tax-xehda tal-għasel ġiet bl-evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?