Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tkampa mal-Isfidi tal-Menopawsa

Kif Tkampa mal-Isfidi tal-Menopawsa

“Bla ma naf għaliex ħakmuni dwejjaq kbar. Bdejt nibki u ħsibtni qed niġġennen.”—Rondro, * li għandha 50 sena.

“Inqum filgħodu u nara d-dar imqallba taʼ taħt fuq. Ma nistax insib l-affarijiet tiegħi. Dak li kont ili għomri kollu nagħmlu qisni mhux jien, issa tant jidher diffiċli, u ma nafx għala.”—Hanta, li għandha 55 sena.

DAWN in-nisa ma kellhomx xi marda. Huma kienu għaddejjin mill-bidla li ġġib magħha l-menopawsa, bidla naturali fil-ħajja taʼ mara u t-tmiem tal-fertilità tagħha. Jekk int mara, huwa dan iż-żmien qrib għalik? Jew għaddejja minnu? Hu x’inhu l-każ, iktar ma int u l-maħbubin tiegħek tkunu informati dwar din il-bidla, iktar se tkunu tistgħu tkampaw mal-isfidi li jiġu magħha.

Il-Bidla tal-Menopawsa

Il-bidla tal-menopawsa, li bl-Ingliż tissejjaħ ukoll perimenopause, tinkludi kemm il-perijodu li jwassal għall-menopawsa u kemm il-menopawsa nfisha. * Madankollu, ġeneralment il-“menopawsa” spiss tirreferi għall-bidla kollha kemm hi.

Il-maġġoranza tan-nisa jibdew il-menopawsa taʼ 40 sena, imma xi wħud jibdewha mas-60. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-mestrwazzjoni tibda tnaqqas bil-mod il-mod. Peress li l-livell tal-ormoni ma jibqax regulari, mara jew ma tibqax tara l-period kull xahar, jew tara d-demm meta mhux suppost, jew ikollha periods qawwijin ħafna. Għadd żgħir taʼ nisa jiqfilhom il-period f’daqqa, bħallikieku mil-lum għall-għada.

“Il-ktieb Menopause Guidebook jgħid: “L-esperjenza tal-menopawsa taʼ kull mara hi differenti. . . . Il-fwawar huma l-iktar skumdità komuni konnessa mal-menopawsa,” u għandu mnejn li warajhom ikun hemm tkexkix taʼ bard. Dawn is-sintomi jistgħu ma jħallukx torqod sew u jiħdulek l-enerġija kollha. Dawn l-iskumditajiet kemm idumu? The Menopause Book jgħid, “xi nisa jkollhom ftit fwawar  għal xi sena jew tnejn matul il-bidla tal-menopawsa. Oħrajn ibatu bihom għal ħafna snin, u persentaġġ żgħir ħafna jgħidu li kultant baqaʼ jkollhom il-fwawar tul il-bqija taʼ ħajjithom.” *

Minħabba li l-livell tal-ormoni ma jibqax regulari, mara għandha mnejn ukoll taqbadha dipressjoni u tbati bil-burdati, u b’hekk tibda tibki mix-xejn. Jistaʼ wkoll ikollha nuqqas taʼ konċentrazzjoni u tibda tinsa. Però, “huwa rari li mara waħda se tbati b’dawn kollha,” jgħid The Menopause Book. Fir-realtà, xi wħud ftit jew xejn ikollhom problemi u skumditajiet.

Kif Tkampa

Bidliet sempliċi fl-istil tal-ħajja jistgħu jnaqqsu xi skumditajiet. Pereżempju, dawk li jpejpu għandhom mnejn inaqqsu l-kwantità taʼ fwawar jekk jaqtgħu t-tipjip. Ħafna nisa jibbenefikaw ukoll għax ibiddlu d-dieta tagħhom billi jillimitaw jew saħansitra jevitaw l-alkoħol, il-kafeina, u l-ikel bi ħwawar jaħarqu jew biz-zokkor. Dan jistaʼ jikkaġuna l-fwawar. M’għandniex xi ngħidu, hu importanti li tiekol tajjeb, jiġifieri li jkollok dieta bilanċjata u varjata.

Anki l-eżerċizzju jistaʼ jgħin ħafna biex jitnaqqsu s-sintomi tal-menopawsa. Pereżempju, jistaʼ jnaqqas l-insomnja u jtejjeb b’mod sinifikanti l-burdata, kif ukoll itejjeb is-saħħa tal-għadam u s-saħħa inġenerali. *

Tkellem Dwar Dak li Tħoss

“M’hemmx għalfejn issofri waħdek,” tgħid Rondro li ssemmiet qabel. “Jekk tiftaħ qalbek maʼ dawk taʼ madwarek, ma jinkwetawx iżżejjed meta jaraw dak li tkun għaddejja minnu.” Fil-fatt, għandhom mnejn juru iktar paċenzja miegħek u jifhmuk aħjar. “L-imħabba hi paċenzjuża u qalbha tajba,” jgħid l-1 Korintin 13:4.—Good News Translation.

Ħafna nisa, inkluż dawk li huma mnikktin minħabba li m’għadhomx fertili, jibbenefikaw ukoll mit-talb. “[Alla] jfarraġna fil-hemm kollu tagħna,” taċċertana l-Bibbja. (2 Korintin 1:4, Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija) Huwa wkoll taʼ faraġ li nkunu nafu li l-bidla tal-menopawsa hija temporanja. Wara, in-nisa li jkomplu jieħdu ħsieb saħħithom jistgħu jiksbu l-enerġija mill-ġdid u jgawdu ħafna iktar snin taʼ ħajja sinifikanti.

^ Par. 2 L-ismijiet ġew mibdulin.

^ Par. 6 It-tobba jqisu li l-menopawsa tkun bdiet wara li mara tkun ilha 12-il xahar li waqfilha l-period.

^ Par. 8 Xi problemi taʼ saħħa, inkluż il-mard tat-tirojde u l-infezzjonijiet kif ukoll ċerti mediċini, ukoll jistgħu jikkaġunaw il-fwawar. Ikun għaqli li tiċċekkja jekk humiex dawn il-kaġun qabel ma tassumi li l-fwawar huma konnessi mal-menopawsa.

^ Par. 12 Biex jgħinu lill-pazjenti jkampaw aħjar matul il-menopawsa, it-tobba għandhom mnejn jissuġġerixxu diversi prodotti, bħalma huma l-ormoni, il-vitamini, u l-mediċini kontra d-dipressjoni. Stenbaħ! ma japprovax xi prodott jew terapija partikulari.