Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li Għandek Tkun Taf Dwar l-Epilessija

Dak li Għandek Tkun Taf Dwar l-Epilessija

XI ĦADD li tafu jaqaʼ mal-art mitluf minn sensih. Ġismu jibbies, u rasu, dirgħajh, u riġlejh jibdew jirtogħdu bil-qawwi—tagħtih aċċessjoni. Jekk taf li l-persuna tbati bl-epilessija, tistaʼ tagħti assistenza adegwata waqt li tistenna l-għajnuna. Ejja naraw xi fatti bażiċi dwar din il-marda li spiss in-nies ma tantx jafu dwarha.

X’inhi l-epilessija? L-epilessija hija marda tal-moħħ li tikkaġuna attakki qosra. L-attakk kollu ġeneralment idum inqas minn ħames minuti. Is-sitwazzjoni msemmija fil-bidu taʼ dan l-artiklu hi attakk qawwi t’epilessija (magħruf bħala grand mal seizure).

X’jikkaġunahom l-attakki? Ir-riċerkaturi jaħsbu li l-attakki jiġru meta jkun hemm mewġa mhix normali t’attività elettrika bejn iċ-ċelluli tal-moħħ. Għadu mhux magħruf għala dan jiġri eżattament.

Jekk nara lil xi ħadd li jbati bl-epilessija qed jagħtih attakk qawwi, x’għandi nagħmel? “Dawk preżenti għandhom iħallu l-attakk jieqaf waħdu u ma jmissux lill-pazjent, għajr biex jagħmlu ċert li l-persuna ma tkunx f’periklu fiżiku u li tistaʼ tieħu n-nifs,” tgħid The Encyclopedia of the Brain and Brain Disorders. Mill-banda l-oħra tgħid ukoll: “Għandha tissejjaħ ambulanza jekk l-attakk idum iktar minn ħames minuti, jekk il-pazjent jagħtih attakk ieħor eżatt wara l-ewwel wieħed, jew jekk ma jiġix f’tiegħu ftit minuti wara li jispiċċa l-attakk.”

Kif nistaʼ ngħin lill-pazjent waqt li jkun qed jagħtih attakk? Poġġi xi ħaġa ratba taħt rasu, u ressaq affarijiet bil-ponta ’l bogħod minn rasu. Meta tieqaf l-aċċessjoni, dawwar il-pazjent fuq ġenbu bħalma jidher f’paġna 13.

X’għandi nagħmel wara li l-pazjent jiġi f’sensih? L-ewwel aċċertah li kollox sew. Imbagħad għinu jqum bilwieqfa u ħudu f’post fejn ikun jistaʼ jistrieħ kemm ikollu bżonn. Il-maġġoranza tal-pazjenti jkunu konfużi u bi nagħas wara l-attakk; oħrajn jirkupraw malajr u jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dak li kienu qed jagħmlu qabel.

L-attakki tal-epilessija kollha jinvolvu aċċessjonijiet? Le. Xi pazjenti ma jkunux konxji taʼ x’qiegħed jiġri u lanqas biss jaqgħu fl-art. Dan ikun attakk ħafif tal-epilessija (magħruf bħala petit mal seizure jew absence seizure), li ġeneralment ikun qasir u li ma jħalli ebda effetti. Xi nies bl-epilessija jagħtuhom attakki ħfief fit-tul, li jdumu diversi minuti. F’każ bħal dan, il-pazjent għandu mnejn idur mal-kamra, iġebbed  ħwejġu, jew inkella jaġixxi b’mod stramb. Wara l-attakk, jistaʼ jħossu xi naqra stordut.

Nies li jbatu bl-epilessija kif iħossuhom? Wieħed jistaʼ jifhem li ħafna nies li jbatu bl-epilessija jgħixu l-ħin kollu bil-biżaʼ taʼ meta u fejn se jkollhom attakk ieħor. Biex jevitaw li jimbarazzaw ruħhom, ġeneralment jevitaw sitwazzjonijiet soċjali.

Kif nistaʼ nappoġġa lil xi ħadd li jbati bl-epilessija? Inkuraġġih biex jiftaħ qalbu. Kun semmiegħ tajjeb. Staqsih xi jkun iridek tagħmel jekk ikollu attakk. Ladarba ħafna nies li jbatu bl-epilessija ma jsuqux, forsi tistaʼ toffrilhom li twassalhom xi mkien jew tagħmlilhom xi qadi.

Jistgħu l-attakki jitnaqqsu jew saħansitra jiġu evitati? Xi affarijiet, bħalma huma l-istress u n-nuqqas taʼ rqad, jistgħu jżidu l-probabbiltà taʼ attakk. Għalhekk, l-esperti jħeġġu lill-epilettiċi biex jorqdu biżżejjed u biex jagħmlu eżerċizzju regolarment ħalli jnaqqsu l-istress. F’ċertu każi, il-mediċini kienu wkoll effettivi biex jitnaqqsu l-ammont taʼ attakki.